
Qatluh għax iswed... Tliet snin mill-ewwel qtil razzista f'Malta
Lorin Scicluna u Francesco Fenech - eks membri tal-AFM ġew akkużati b'dan il-qtil

minn Anthea Cachia
.png)
Tliet snin ilu Malta nħasdet bil-qtil razzista ta' Lassana Cisse Souleymane, raġel ta' 42 sena, u minkejja li kien hemm żviluppi fil-każ, is-suspettati tal-qtil, Lorin Scicluna u Francesco Fenech illum jinsabu liberi, wara li ġew rilaxxati fuq bail fl-2019. Huma ġew rilaxxati fuq il-kundizzjoni li ma jistgħux joħorġu mid-dar bejn is-7:00p.m u s-6:00a.m u jiffirmaw kuljum fl-għassa.
Dakinhar tal-qtil, Cisse kien miexi lura minn Birżebbuġa ma' żewġt irġiel oħra fi Triq tal-Ġebel fil-11:00p.m, meta allegatament għaddew is-suspettati u sparaw xi tiri mill-karozza tagħhom, li kienet tat-tip Toyota Starlet.
Apparti l-qtil ta' Cisse, Scicluna u Fenech qed jiġu akkużati b'attentat ta' qtil ta' żewġ immigranti oħra u li saqu għal fuq immigrant ieħor. Tajjeb li nfakkru li ż-żewġ żgħażagħ, waqt li allegatament għamlu dan kollu, kienu suldati mal-Forzi Armati ta' Malta (AFM).
Scicluna u Fenech kienu jgħidu li l-immigranti "qed jinvaduna"
F'xhieda fil-Qorti Francesco Fenech ammetta li ta' sikwit kienu jitilgħu Ħal Far jipprovokaw lill-immigranti. L-eks tfajla ta' Scicluna saħansitra rrimarkat li Lorin Scicluna kemm-il darba kien ikkonfronta lill-immigranti fit-triq, sempliċiment għax iħarsu lejh.
F'xhieda oħra, l-eks tfajla ta' Scicluna kienet qalet li huwa kien kontra l-immigranti u kien jaħseb li hawn wisq minnhom u li għad jasal iż-żmien illi jieħdu l-Malta f'idejhom. L-istess jaħsibha Fenech u ta' spiss kien jilmenta li l-immigranti "qed jinvaduna".

Scicluna ammetta mal-eks sieħba li kien involut fil-hit-and-run
Fil-każ ta' allegat hit-and-run Fenech ċaħad li l-windscreen tal-karozza infaqgħet kawża tal-istess hit-and-run u minflok qal li kienu ħabtu ma' centre-strip. Dakinhar huwa kien ċaħad ukoll li kienu jmorru jisparaw fuq il-qtates. Minkejja dan l-eks sieħba ta' Scicluna kienet żvelat ukoll fil-Qorti li Lorin Scicluna kien ammetta li kien involut f'inċident ta' hit-and-run ta' immigrant u kien stqarr magħha li l-vittma reġa' ġie f'sensih wara l-inċident.
Mid-dar ta' Scicluna kienu nstabu wkoll armi u munizzjon; tliet pistoli u air rifle flimkiem ma' tmien kaxxi ta' munizzjon mill-iskwadra ta' kontra l-omiċidji. Il-ħabib ta' Scicluna kien saħaq li huwa kien dilettant kbir tal-karozzi u tal-armi tan-nar.
X'kienet qalet l-armata fuq dan il-każ?
Fl-2019, l-AFM kienet spjegat li Scicluna u Fenech daħlu fil-Forzi Armati ftit aktar minn sena u nofs qabel seħħ il-qtil u l-kondotta tagħhom kienet waħda nadifa. Minkejja li t-tnejn li huma daħlu fil-Forzi fl-istess ingaġġ kienu jaħdmu f'sezzjonijiet separati u ma kien hemm ebda konnessjoni ma' xi xogħol relatat direttament mal-immigranti.
Dwar il-fatt li wieħed mis-suldati akkużati huwa riċediv, il-Forzi Armati spjegat li r-reat li wettaq seħħ qabel l-ingaġġ tiegħu u d-deċiżjoni dwaru ttieħdet wara li kien ilu ftit taż-żmien suldat. Fakkret li bħala organizzazzjoni, hi tieħu ħsieb offiżi militari u mhux kriminali u għal offiżi kriminali, tħalli f’idejn l-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Pulizija u l-Qrati, biex membri tagħha jiġu proċessati bħal kwalunkwe ċittadin Malti ieħor.
Il-ġisem ta' Lassana Cisse għadu Malta
Sfortunatament il-ġisem ta' Lassana għadu Malta, minkejja li l-Gvern Malti offra li jħallas l-ispiża kollha biex jittieħed lura lejn art twelidu f'Kuomassi fil-Kosta tal-Avorju fl-Afrika t'Isfel. Cisse ġie rilaxxat mill-Qorti fl-2020 iżda jidher li l-pandemija għamlet dan il-proċess diffiċli.

