Il-Qrati Maltin rriġettaw appell finali ta' George u Alfred Degiorgio - akkużati illi wettqu l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan ir-rifjut issa jiftaħ it-triq għal ġuri, li sorsi qalu illi mhux mistenni jibda qabel Settembru.
L-aħwa kien appellaw id-deċiżjoni tal-Imħallef Edwina Grima f'Ottubru li għadda. Huma kienu oġġezzjonaw għax-xhieda tal-ispettur Keith Arnaud li kienet tirreferi għal informazzjoni mill-mowbajls tagħhom, interċettati mis-Servizzi Sigrieti.
Hu u jixhed fi stadju ta' kumpilazzjoni, Arnaud kien irrefera għal din l-informazzjoni mingħajr ma esebixxa mandat li jawtorizza tali interċettar tal-mowbajls. Huwa kien identifika lil wieħed mill-kelliema fit-telefonati bħala George Degiorgio.
L-oġġezzjoni tal-aħwa kienet milqugħa fi stadju ta' appell u l-Qorti ordnat it-tneħħija tat-testimonjanza ta' Arnaud.