Il-baruni tad-droga Jordan Azzopardi jinżamm arrestat
Azzopardi wieġeb mhux ħati tal-akkużi u d-difiża f’dan l-istadju ma talbitx il-ħelsien mill-arrest
More in Qrati u Pulizija
Azzopardi wieġeb mhux ħati tal-akkużi u d-difiża f’dan l-istadju ma talbitx il-ħelsien mill-arrest
L-akkużat Jordan Azzopardi inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih fosthom li kien fil-pussess tad-droga. Il-baruni tad-droga, magħruf aħjar bħala "El Chapo" ta' Malta, ġie akkużat bi traffikar ta' 130g kokaina wara li lbieraħ inqabad mill-Pulizija.
Azzopardi kien barra fuq libertà proviżorja wara li kien akkużat bi tmexxija ta' ‘fabbrika’ sigrieta tad-droga fil-Wardija. Huwa ġie arrestat mill-pulizija fil-Madliena lbieraħ waranofsinhar wara tiġrija bil-karozzi.
Quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco, l-Ispettur Alfredo Mangion qal li nhar il-Ġimgħa l-pulizija rċeviet informazzjoni li Azzopardi kien involut f’attività ta’ traffikar tad-droga.
Il-Pulizija interċettat lil Azzopardi li kien qed isuq BMW X3 fid-direzzjoni tal-Għargħur. Żewġ karozzi tal-pulizija rnexxielhom jimblukkaw il-vettura ta’ Azzopardi, meta dan biddel il-karozza u saq lejn in-naħa l-oħra tat-triq, u laqat żewġ vetturi, fosthom waħda fejn mara kienet qed issuq mat-tfal tagħha.
Skont il-prosekuzzjoni, Azzopardi deher jitfa’ borża ‘l barra mill-karozza, hekk kif ra' l-pulizija jsuqu warajh. Il-Pulizija rnexxielha ssib l-borża aktar tard, u sabu li fiha 130g ta’ kokaina suspettata. Wara saret ukoll tfittxija fir-residenza ta’ Azzopardi fil-Madliena.
Azzopardi wieġeb mhux ħati tal-akkużi u d-difiża f’dan l-istadju ma talbitx il-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għall-iffriżar tal-assi ta’ Azzopardi. Id-difiża oġġezzjonat, u qalet li permezz ta’ ordni riċenti, l-assi tal-akkużat diġà intlaqtu minn ordni ta’ ffriżar.
Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Charles Mercieca, Marion Camilleri u Robert Montalto.
Azzopardi kien ġie arrestat flimkien mat-tfajla tiegħu f’Marzu 2019, wara rejds tal-pulizija. Huwa kien instab mixli bi traffikar tad-droga, konfoffa kriminali, ħasil ta’ flus, ċirkolazzjoni ta’ flus kontanti foloz, pussess ta’ arma mhux liċenzjata,li hedded terza persuna u li kiser il-kundizzjonijiet preċedenti ta’ pleġġ.
Intant, hu kien ingħata l-libertà proviżorja fl-2021, il-kundizzjonijiet tiegħu kienu li fosthom jiffirma ktieb tal-pleġġ kuljum, josserva curfew u kundizzjonijiet oħra. Din kienet garantita b’garanzija personali ta’ €150,000.