Raġel ta' 81 sena minn San Pawl il-Baħar tilef ħajtu wara li sab ruħu f'diffikultà waqt li kien qiegħed jgħum. Ilbieraħ filgħaxija intalbet l-assistenza tal-Pulizija fl-inħawi ta' Triq Dawret il-Gżejjer, Qawra. Immedjatament fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Interventipn Unit fejn xi nies indikaw li fil-baħar kien hemm raġel, x'aktarx mejjet.
Fuq il-post marret lanċa tal-Forzi Armati fejn ir-raġel ittella' fuqha u ttieħed fil-Bażi Marittima f'Xatt it-Tiben, fejn sfortunatament ġie iċċertifikat mejjet.
Intant il-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.