Illum kompliet tinstema' x-xhieda kontra Clint Mansueto u l-eks Kunsillier Laburista Philip Edrick Zammit u Raul Antonio Pace fil-każ ta' allegata korruzzjoni fi Transport Malta sabiex numru ta' nies jgħaddu mit-test tas-sewqan, allegatament b'ordni ta' Ministru li sal-lum ismu qatt għadu ma ssemma' anke jekk fix-xhieda preċedenti saru diversi referenzi għalih. Kien Mansueto fil-fatt li bosta drabi jidher illi qal lil xi eżamintauri biex jgħaddu lil ċerti nies mit-test u li jekk ma jagħmlux dan, mela allura jkunu huma li jridu jiffaċċjaw lil dan il-Ministru. Allegatament numru ta' barranin li kienu qed jaħdmu fuq proprjetà ta' Ministru, ukoll intqalilhom li kellhom jgħaddu mit-test tas-sewqan, fuq irdni tal-istess Ministru.
Illum kompliet ix-xhieda ta' eżaminuturi ta' Trasport Malta, b'Demetrues Psaila jisħaq li kien Mansueto li għallmu l-proċedura tat-testijiet u li mill-bidu kien indikalu li se jkun hemm drabi fejn se jkollu jagħlaq għajn (jew tnejn) kemm fit-testijiet tal-prattika u anke tat-teorija. "Jiena kont qed nibda xogħol ġdid u allura obdejt lid-Direttur. Xogħli ma kienx li noħloq l-istandards għall-ittestjar."
Huwa qal li din li jagħlaq għajnejh ġrat ħafna drabi u jiftakar li darba kienu qalulu, "Mexxi ħa jgħaddu."
"Meta bdejt Mansueto kien qalli li kien hemm drabi fejn trid tħalli l-affarijiet għaddejjiin. Hekk għallumuna," kompla jgħid dan ix-xhud. U meta mistoqsi min kien jgħallmu hekk it-tweġiba kienet: "Clint Mansueto."
Mistoqsi dwar is-sehem ta' Zammit u Pace, ix-xhud qal biss li Pace kien jgħaddilu dokumenti u jgħidlu li "dan huwa dak li kellmek dwarhom Clint."
"Jekk Clint kien ikun preżenti kien jgħid li lil dan (il-kandidat) qaċċat ħa jgħaddi. U jekk Clint ma jkunx hemm Philip Edrick kien jgħidli hu biex nagħmilha."
It-tieni xhud Kevin Debono qal illi kien hemm każi fejn Mansueto u Raul kienu jgħidulu biex jgħin ċerti kandidati iżda qal li hu qatt ma ħassu komdu jagħmel dan. "Jekk kandidat ikun wera' interess u jurini li studja nagħti ftit għajnuna imma mhux it-tweġiba," sostna Debono li iżda qal li hu ma kienx jgħin kandidati li kienu sempliċiment imorru u jippretendu li jgħaddu. Huwa fil-fatt jgħid li kien ikun hemm kandidati lanqas ikunu jafu jaqraw u jistennew li jaqralhom hu. Imma jisħaq li huwa qatt ma għamel dan.
U finalment kien hemm xhud ieħor li xehed illum - Mark Tabone - u li qal illi kien hemm okkażjonijiet fejn kienu jintalbu juru aktar ħniena ma' ċerti kandidati għax "ikollhom rabta mal-Ministru jew ma' Kastilja." Huwa qal iżda li Mansueto biss kien jgħid dan u li dawn ma kinux talbiet regolari, "forsi darbtejn f'xahar."