Il-gazzetta ILLUM tirbaħ libell kontra Adrian Farrugia

L-artiklu fiċ-ċentru tal-libell kien intervista fejn intqal li Farrugia kien investigat u akkużat bi tbagħbis ta' logħob tal-futbol fl-Italja, iżda minkejja dan, huwa xorta waħda kien u għadu involut fil-futbol lokali

Il-Qorti ċaħdet libell kontra l-gazzetta ILLUM miftuħa minn Adrian Farrugia, b’rabta ma’ artiklu li kien żvela li Farrugia kien ġie akkużat b’korruzzjoni u tbagħbis ta’ logħob tal-futbol fl-Italja.

Il-Maġistrat Rachel Montebello kkonludiet li l-allegazzjonijiet fl-artiklu kienu minnhom. Il-libell kien infetaħ biex jiskredita dak li qal mal-gazzetta ILLUM Jude Amin Utulu  f’intervista ma’ Liam Carter.

Utulu, li kien referee, kien ġie sospiż mill-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA), wara allegazzjoni li kien aġent ta’ plejers fl-istess ħin li kien referee. Huwa kien stqarr li l-MFA kienet iddeċidiet li temmen lil Farrugia bħala l-persuna li kien talab l-investigazzjoni, l-istess Farrugia li kien bagħbas il-logħob.

Fil-Qorti, Farrugia kien ċaħad li kien involut fit-tbagħbis tal-logħob jew reati oħra, u stqarr li l-ILLUM ma staqsietx għall-kummenti tiegħu qabel ġiet ippubblikata l-istorja. Min-naħa tiegħu, Saviour Balzan, kien ippreżenta wkoll numru ta’ artikli lokali u Taljani dwar l-investigazzjoni ta’ tbagħbis ta’ logħob fl-Italja.

Rapporti fil-midja dwar l-involviment ta’ Farrugia fit-tbagħbis tal-logħob imorru lura għall-2015, hekk kif il-Qorti nnutat li hu u huh kienu lkoll involuti f’dan it-tbagħbis fil-logħob. Il-Qorti stqarret ukoll li huwa fatt li ebda azzjoni ma ttieħdet fil-konfront ta’ Farrugia min-naħa tal-MFA, minkejja li huwa għadu attiv fil-futbol lokali.

Għalhekk, il-Qorti ddikjarat li l-fatti fl-artiklu huma lkoll minnhom, u ordnat li Farrugia jħallas l-ispejjeż marbuta ma’ dan il-każ.

More in Qrati u Pulizija