Il-Qorti tal-Appell tikkonferma ċ-ċaħda tal-appell tal-iżviluppatur f’Ħondoq ir-Rummien
Iżżid li l-inklużjoni tas-sindku tal-Qala’ Paul Buttiġieġ ma tammontax għal kunflitt t’interess
More in Qrati u Pulizija
Iżżid li l-inklużjoni tas-sindku tal-Qala’ Paul Buttiġieġ ma tammontax għal kunflitt t’interess
F’sentenza mogħtija aktar kmieni dalgħodu mill-Qorti tal-Appell, din ikkonfermat is-sentenza maħruġa mit-Tribunal għall Ambjent u l-Ippjanar, li kienet tikkonċerna żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien. Din qed tiġi kkowtata bħala tmiem ta’ saga li ilha għaddejja għall-aħħar 22 sena.
Minbarra l-konferma tas-sentenza tat-Tribunal, il-Qorti tal-Appell iddikkjarat li l-fatt li s-Sindku tal-Qala’ Paul Buttiġieġ kien inkluż fl-appell quddiem it-Tribunal ma jammotax għal kunflitt ta’ interess.
Buttiġieġ wera approvazzjoni tiegħu lejn din id-deċiżjoni, fejn qal li “issa jmiss li jkun hemm aċċess u tgawdija pubblika tal-Ħondoq fuq bażi permanenti”.
Din l-applikazzjoni kienet tikkonsisti f’bini ta’ lukanda 5 stilel b’110 ikmamar, 60 appartament marbutin magħha, 25 villa, 203 appartament ieħor, kif ukoll parkeġġ taħt l-art jesa’ madwar 1,250 karozza, pjazza u ħwienet. Oriġinarjament, kienet tinnkludi wkoll marina b'post għall-irmiġġ.
L-iżviluppatur kien appella quddiem it-tribunal wara li l-applikazzjoni oriġinali ġiet miċħuda b’mod unanimu lura fl-2016. Dan kien abbażi tal-argument li ma kienx hemm smigħ xieraq peress li kellhom biss 15-il ġurnata sabiex jippreparaw għall-każ. Minkejja dan, l-appell quddiem it-Tribunal ġie miċħud fl-2022.
Iż-żewġ partiti maġġuri kienu wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom lejn dan il-proġett, bil-Prim Ministru Robert Abela jgħid li huwa kontra dan l-iżvilupp fil-Parlament fir-reazzjoni tiegħu għall-Baġit tal-2022.
Jesprimu qbil favur id-deċiżjoni
Kienu bosta oħrajn li kkummentaw fuq il-midja soċjali sabiex jesprimu l-qbil tagħhom lejn din id-deċiżjoni. Fosthom kien hemm il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer, il-Kap Eżekuttiv tal-Birdlife Mark Sultana, kif ukoll l-għaqda Moviment Graffiti.
F'żewġ stqarriji separati, kemm il-Partit Laburista u kemm il-Partit Nazzjonalista esprimew is-sodisfazzjoni tagħhom lejn id-deċiżjoni tal-Qorti.