Żewġt irġiel tressqu il-Qorti b'rabta mal-każ li seħħ il-Qawra l-Ħadd 6 t'Awwissu. B'rabta ma' din il-ġlieda, inxtered fuq il-midja soċjali ritratt grafiku ta' raġel mixħut mal-art f'għadira demm, b'karozza miksija demm warajh.
L-inċident, fejn allegatament intuża flixkun imkisser, seħħ fi Triq Annetto Caruana għall-ħabta tas-6 p.m. Iż-żewġt irġiel, ta' 24 u 27 sena, ta' nazzjonalità Niġerjana, itteħdu l-isptar f'ambulanza ftit tal-ħin wara.
Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Abigail Critien mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Andrew Borg Bonello. L-imputati ġew akkużati li kkaġunaw ġrieħi gravi lil xulxin waqt ġlieda qalila, li wasslu sabiex it-tnejn soffrew diżabiltà u sfigurament. Ġew akkużati wkoll li kkawżaw ħsara fuq mutur ta' terza persuna, li heddew lil xulxin, u li kisru l-paċi pubblika. Intqal ukoll li ż-żewġ akkużati m'għandhomx indirizz fiss.
L-akkużati t-tnejn wieġbu li mhux ħatja għall-akkużi. Madanakollu, l-Qorti rrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront tat-tnejn li huma.
L-avukati Mattia Felice u Martin Fenech dehru għaż-żewġ akkużati.