Investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija fl-aħħar jiem wasslu għall-arrest ta’ 3 irġiel; żewġ Taljani ta’ 44 u 40 sena, kif ukoll Albaniż ta’ 40 sena. L-arrest sar b’rabta ma’ traffikar ta’ droga u huwa allegat li l-individwi jifformaw parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata.
Is-Sibt 12 t’Awwissu, il-Pulizija bdiet osservazzjoni fuq vettura li fiha kien hemm wieħed mill-individwi. Meta l-Pulizija ċċirkondaw il-vettura u għamlu tfittxija, instabu 10 pakketti ta’ kilo l-wieħed mimlijin b’sustanza suspettata kokaina.
Iż-żewġt irġiel l-oħra ġew arrestati ftit tal-ħin wara.
Huwa stmat li l-valur tad-droga misjuba jaqbeż il €1.3 miljun.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, filwaqt li l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Claire Stafrace Zammit ħatret inkjesta.
It-tlett irġiel qed jinżammu taħt arrest u mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.