Raġel ta’ 32 imressaq b’korruzzjoni ta’ minuri
Ingħad li l-akkużat għandu inklinazzjoni sesswali lejn is-saqajn tat-tfal
More in Qrati u Pulizija
Ingħad li l-akkużat għandu inklinazzjoni sesswali lejn is-saqajn tat-tfal
Raġel ta’ 32 sena mill-Libja ġie mressaq il-Qorti, akkużat li sforza tifel ta’ 12-il sena jagħmel atti sesswali fuq kamera virtwali, kif ukoll b’korruzzjoni ta’ żewġt ibniet ta’ 13 u 14-il sena rispettivament.
Is-smigħ tal-kawża se jsir mingħajr ġurija, quddiem l-Imħallef Aaron Buġeja, hekk kif talab l-akkużat. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-vittmi, u aċċettat talba sabiex ix-xhieda tagħhom tingħata b’mod virtwali.
Il-Prosekutur Angele Vella tat sommarju qasir tal-każ tal-istat kontra l-akkużat. Allegament, huwa għandu inklinazzjoni sesswali lejn is-saqajn tat-tfal. Żiedet li, “Hu juża mezzi bħal Instagram, Skype u Facebook, fost oħrajn, sabiex jagħmel komunikazzjoni ma’ minuri.” Ta’ min jinnota li l-akkuża ta’ korruzzjoni ta’ minuri ma tirrikjedix provi tal-intenzjoni tal-akkużat, imma s-sempliċi preżenza tal-minuri hija biżżejjed.
L-akkużat kien jinqeda minn profili foloz, kultant anke jagħmilha ta’ birruħu li hu mara, sabiex jagħmel kuntatt mal-minuri fuq Instagram, u wara jmexxi għal fuq Skype.
Waqt telefonati bil-vidjo fuq Skype, hu kien imiss lilu nniffsu, fil-vista tal-allegati vittmi.
L-iżgħar fost dawn, it-tifel ta’ 12-il sena, stqarr li mill-ewwel ħassu skomdu b’dan, u qal lill-akkużat li ma riedx ikompli bit-telefonati, iżda kien mhedded li biċċiet mill-konverżazzjonijiet li kellhom fuq Instagram se jiġu mxerrda. L-akkużat ġiegħel lit-tifel jiltaqa’ miegħu għal 4 telefonati bil-vidjo, sakemm it-tifel qal b’dak li kien qed jiġri lil missieru, li rrapporta lill-Pulizija.
L-akkużat tefa’ ritratt tat-tifel waqt waħda minn dawn it-telefonati fuq Facebook, sabiex ikun jista’ jattira aktar minuri.
Huwa bagħat ukoll ritratt ta’ ġismu lit-tifla ta’ 13-il sena, li infurmat lill-ġenituri tagħha.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif l-akkużat ħaseb li jekk ma jurix wiċċu mhux se jinqabad. Madankollu, uffiċċjali tas-Cybercrime traċċaw il-post minn fejn intbagħat għar-residenza tiegħu, li marru fuq il-post. Minn tfittxija li saret fil-mowbajl tiegħu, skoprew ukoll b’konverżazzjoni li kellu mat-tifla ta’ 14-il sena.
Il-Pulizija nnotat ukoll kif hemm numru ta’ similitajiet ma’ rapporti oħra li rċievew, b’numru ta’ profili fuq il-midja soċjali involuti traċċabbli għall-istess post. Dan ifisser li jista’ jkun li l-akkużat ikkorrompa numru akbar ta’ minuri minn dak maħsub s’issa, iżda l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Angele u Danica Vella, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-avukat Joe Brincat qed jidher għan-nom tal-akkużat.