Il-President tal-Kamra tal-Periti André Pizzuto qed jerġa’ jappella f’isem l-organizzazzjoni li jmexxi għal awtorità u infurzar aktar ċentralizzat f’dak li għandu x’jaqsam mal-infurzar fuq siti ta’ kostruzzjoni. Huwa qal dan fl-istess ġimgħa li waqt l-inkjesta pubblika marbuta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, ħarġu biċ-ċar il-problemi preżenti marbuta mal-istess infurzar.
Waqt żewġ seduti fil-Qorti, xehed iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Artijiet, Dr John Vassallo, fejn stqarr li huwa “impossibbli” li żżomm rendikont ta’ dak li jiġri fuq art tal-Gvern minħabba li m’hemmx biżżejjed ħaddiema għal dan.
Dan kien imtenni minn xhud ieħor fl-istess jum, Jean Pierre Attard, Chairman Eżekuttiv ta’ INDIS Malta, li amministra s-sit inkwistjoni. "Aħna ma mmorrux nagħmlu spezzjonijiet, m'aħniex speċjalizzati fis-saħħa u s-sigurtà," qal Attard lill-Bord. Attard qal li l-INDIS ma kellhiex il-ħaddiema meħtieġa biex tispezzjona kull sit, filwaqt li żied jgħid li INDIS għandha postijiet vakanti li ma mtlewx minkejja li kienu ilhom miftuħa għal sena u nofs.
Attard kien kompla jispjega n-nuqqas ta’ riżorsi li għandha l-INDIS, fosthom fil-finanzi, aspetti tekniċi, ħaddiema, periti, quantity surveyors u bosta oħra.
Intant, f’seduta oħra il-Ministru għall-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi ġie mistoqsi dwar is-sistemi ta’ informazzjoni tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, (BCA) l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA). Meta Zrinzo Azzopardi wieġeb mistoqsijiet dwar l-ispezzjonijiet tal-OHSA, u qal li din l-entità m’għandhiex l-għan li tiċċekkja li l-bennejja qed jimxu fuq il-pjanijiet, l-Imħallef Joseph Zammit McKeon kien pront u qal li, “Hemm żball fis-sistema!”
Zammit McKeon innota li ma jistax iseħħ infurzar serju jekk it-tliet entitajiet ma jikkomunikawx flimkien, hekk kif huwa inaċċettabbli li l-kuntratturi u l-periti jirregolaw lilhom infushom. Għal dan, il-Ministru stqarr li huwa, “jaċċetta’ li jisma’ kull proposta” sabiex tiġi emendata s-sistema u l-fallimenti tagħha.
B’rabta ma’ dan il-President tal-Kamra tal-Periti André Pizzuto qal lil din il-gazzetta li anke mill-esperjenza tal-membri tal-organizzazzjoni, il-komunikazzjoni bejn dawn l-entitajiet hija limitata ħafna, u ta’ sikwit ikun hemm nuqqas ta’ għarfien dwar liem entità tinforza ċertu irregolaritajiet.
Pizzuto ddeskriva s-sitwazzjoni ta’ komunikazzjoni fuq l-infurzar bejn dawn l-entitajiet bħala, “diżastru,” hekk kif saħaq li l-Gvern għandu jimxi lejn sistemi aktar ċentralizzati għal infurzar aktar effiċjenti.
Huwa nnota li din il-problema ġejja mill-fatt li dawn l-entitajiet twaqqfu tul is-snin b’ammont konsiderevoli ta’ snin bejn entità u oħra, fejn l-entitajiet anke kellhom irwoli differenti tul is-snin. Minħabba dan, jgħid Pizzuto, m’hemmx viżjoni komuni u ħidma olistika bejn l-entitajiet.
Għalhekk, Pizzuto rrefera għal dokument ta’ proposti tal-Kamra tal-Periti li kienu ġew ippubblikati fl-2020 bl-isem ta’ ‘Qafas Modern għar-Regolamenti tal-Bini u l-Kostruzzjoni.’
Hawn il-Kamra tal-Periti proponiet li jiġi stabilit irwol ta’ Spettur għall-Bini u l-Kostruzzjoni. Pizzuto spjega li din il-persuna għandha tieħu f’idejha l-irwoli li bħalissa huma ta’ maniġers tas-siti u l-irwoli ta’ uffiċjali tal-infurzar, u dawn il-ħaddiema ġodda jkunu kompletament indipendenti u appuntati minn reġistru li jinżamm fi ħdan il-BCA.