Qtil doppju tal-Marsa: Il-Qorti ssib biżżejjed provi


Il-Maġistrat tiddikjara li hemm biżżejjed raġunijiet biex ir-raġel jiġi akkużat fuq il-qtil doppju li ġara f'Ottubru

 

Il-Qorti tal-Maġistrati ddikjarat li hemm każ x’twieġeb fir-rigward ta’ Iddirsu Faisal, ir-raġel akkużat bi qtil doppju makabru tax-xahar li għadda fil-Marsa.

Faisal ta’ 34 sena, mill-Ghana, jinsab mixli bil-qtil ta’ Joseph Bartolo ta’ 73 sena u Carmen Abela ta’ 56 sena kif ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ mara oħra min-Niġerja fi stalel tal-Marsa; proprjetà tal-vittmi; nhar il-15 ta’ Ottubru.

Huwa akkużat ukoll li weġġa’ gravi lill-istess mara Niġerjana u li weġġa’ ħafif raġel ieħor Niġerjan, kif ukoll akkużi relatati ma’ reżistenza għall-arrest, ħsara fil-proprjetà privata, li ma obdiex ordnijiet legali tal-pulizija u li weġġa’ ħafif uffiċjal tal-pulizija.

F’digriet li ngħata dalgħodu, il-Maġistrat Gabriella Vella ddikjarat li kien hemm biżżejjed raġunijiet biex ir-raġel jiġi akkużat.

Il-Qorti nnutat li l-vittmi Niġerjani aggrediti minn Faisal kienu taw rakkonti simili, bil-mara tispjega li kienet qed tipprepara biex taħsel snienha meta Faisal, li kien jgħix fl-istess kumpless, kien daħal f’daqqa fil-kamra b’bolt cutters fidejh u kemm-il darba laqatha f’rasha bihom.

Baqgħet ħajja grazzi għall-intervent tar-raġel Niġerjan, li kien ipprova jieħu l-għodda minn idejn l-aggressur. Ir-raġel qal lill-Qorti li waqt il-ġlieda, kien ra l-iġsma taż-żewġ vittmi.

Il-qorti bagħtet l-atti tal-każ lura lill-Avukat Ġenerali, li issa jrid jiddeċiedi jekk joħroġx att ta’ akkuża kontra Faisal jew jibgħatx l-atti lura lill-qorti biex tiġbor evidenza addizzjonali.

L-avukati Joe Brincat u Julia Micallef Stafrace huma avukati difensuri ta’ Faisal.

Il-Prosekuturi Kaylie Bonett u Ramon Bonett Sladden qed jirrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, jassistu lill-Ispetturi tal-Pulizija Kurt Zahra u Wayne Camilleri.

L-avukati Jason Azzopardi u Franco Debono huma parte civili.

More in Qrati u Pulizija