Nhar it-Tlieta ġew arrestati żewġt irġiel li allegatament kienu involuti fi sparatura ġewwa stabbiliment li seħħet kmieni dan ix-xahar fil-Gżira. L-inċident seħħ fit-3 ta’ Novembru meta wieħed minn tliet irġiel involuti fi ġlieda weġġa’ gravi wara li spara f’sieq ieħor.
Il-pulizija kienu qed ifittxu lill-aggressur u raġel ieħor li kien qed jakkumpanjah.
L-investigazzjonijiet wasslu biex il-pulizija identifikaw liż-żewġt irġiel maħruba.
Għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija, is-suspetatti ġew arrestati hekk kif il-Pulizija kellha informazzjoni fejn setgħu kienu, u segwewhom, sakemm ġew iċċirkondati f’Birkirkara.
Wieħed mill-irġiel huwa raġel ta’ 32 sena minn Raħal Ġdid u l-ieħor huwa raġel ta’ 43 sena mill-Imqabba. Huma qed jinżammu fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija għall-interrogazzjoni.
L-inkjesta maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.