Il-Pulizija qiegħda żżomm taħt arrest tlett irġiel, żewġ Maltin u Niġerjan, b’rabta ma’ allegat serq ta’ cables.
Kmieni dalgħodu, għal xi l-erbgħa ta’ filgħodu il-Pulizija ġiet mitluba tassisti f’mina taħt l-art qrib il-Ġnien tal-Argotti, il-Floriana, wara rapport li kienu qegħdin iqaċċtu cables tal-fiber optic u tar-ram biex jisirquhom.
Minnufih bdiet tfittxija fl-akwati, fejn il-Pulizija innutaw persuna li kienet qiegħda ġġorr xi cables u malli ndunat bil-pulizija, ippruvat tistaħba.
Din il-persuna ġiet identifikata bħala raġel ta’ 39 sena residenti Wied il-Għajn u ġie arrestat.
Minħabba suspett li seta’ kien hemm iktar persuni involuti, il-pulizija kompliet bit-tfittxija fil-mini, u nstabu mistoħbija żewġt irġiel oħra, wieħed ta’ 30 sena residenti ż-Żejtun u Niġerjan ta’ 35 sena, li mill-ewwel ġew arrestati.
It-tlett irġiel ittieħdu l-Għassa tal-Belt Valletta għal aktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.