Raġel jitlef ħajtu f’Ħad-Dingli nhar it-Tlieta, għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta' filgħodu.
Il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza f’garaxx f’Misraħ is-Suffara, Ħad-Dingli fejn irriżulta li raġel ta’ 71 sena residenti Ħad-Dingli stess waqa’ minn għoli ta’ madwar sular waqt li kien fuq sellum f’garaxx privat.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza sabiex jassistu, iżda sfortunatament ir-raġel kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.
Il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana kien infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.