Ippreżentat att ta’ akkuża kontra El Hiblu 3

L-Avukat Ġenerali joħroġ att ta’ akkuża kontra tliet migranti fuq akkużi ta’ terroriżmu

L-Avukat Ġenerali (AG) għażel li jakkuża lil tnejn mit-tliet żgħażagħ mill-Kosta tal-Avorju u mill-Guinea b’akkużi ta’ terroriżmu, billi akkużahom li ħatfu t-tanker taż-żejt li salvahom fil-baħar wara li ħarbu mil-Libja.

Id-deċiżjoni ttieħdet aktar minn sena wara li xehed l-aħħar xhud f’Settembru tal-2022.

Koni Tiemoko Abdoul Khader, Amara Kromah u Abdalla Bari kellhom 15, 16, u 19-il sena meta ġew akkużati li ħatfu l-El Hiblu 3, it-tanker taż-żejt li kien salva lilhom flimkien ma’ 108 persuna oħra li ħarbu mil-Libja mill-baħar.

F'Settembru l-qorti ħarġet mandat ta' arrest internazzjonali għal Kader wara li dan naqas milli jmur għas-seduta. Il-pulizija infurmat lill-maġistrat li ma kienx ffirma l-‘bail book’ għal sitt ġimgħat sħaħ.

Huwa maħsub illi ħarab minn Malta.

Iż-żewġt irġiel li fadal huma akkużati b’reati li jġorru magħhom sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Il-prosekuturi jsostnu li l-akkużati kienu sfurzaw lill-kaptan biex ma jerġax lura l-Libja, għaliex kienu mbeżża’ jerġgħu lura għall-persekuzzjoni u tortura.

Fil-Qorti ħareġ li dawn it-tlieta kienu l-uniċi li jafu jitkellmu bl-Ingliż fost il-grupp salvat, kienu qed jaġixxu bħala interpreti bejn il-kaptan tal-vapur u dawk li kienu qed jfittxu kenn.

Attivisti quddiem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali
Attivisti quddiem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Iżda għalkemm il-maġġoranza assoluta tax-xhieda fil-kumpilazzjoni twila tal-provi qalu lill-Qorti li ma saret l-ebda vjolenza jew theddid, il-prosekuturi tefgħu aktar piż lix-xhieda tal-kaptan tal-bastiment li kienu wasslu bir-radju lill-awtoritajiet Maltin biex jinfurmawhom li l-bastiment safa maħtuf mill-pirati.

 

Id-Difiża tgħid li l-interpretazzjoni tal-AG hija arma kontra dawk li jfittxu ażil

“L-Avukat Ġenerali ħa aktar minn erba’ snin biex ħareġ Att ta’ Akkuża ħarxa u kiefra kontra ż-żewġ klijenti tagħna fir-rigward tal-inċident ta’ El Hiblu. Fit-8 ta’ Novembru tressqu total ta’ 9 akkużi kontra ż-żewġ żgħażagħ, inklużi l-akkużi ta’ terroriżmu infondati u akkużi oħra ugwalment mhux sostanzjati,” qalu l-avukati tad-difiża tal-irġiel fi stqarrija lill-istampa.

L-avukati ressqu tweġiba għall-akkuża quddiem il-Qorti Kriminali, fejn esprimew l-oġġezzjonijiet tagħhom għall-verżjoni tal-fatti tal-AG u talbu lill-Qorti biex tiċħad l-akkużi kollha.

Jargumentaw in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, filwaqt li jistqarru li ma tressqet l-ebda prova li turi li kien twettaq xi delitt fit-territorju Malti, u jakkużaw lill-Avukat Ġenerali li qed jgħawweġ l-interpretazzjoni ta’ wħud mill-akkużi sa punt li jagħmilhom nulli u bla effett.

"Id-difiża temmen li interpretazzjoni bħal din tagħti arma lill-liġi kontra dawk li jfittxu ażil," qal l-avukat Neil Falzon.

“Nenfasizzaw ukoll li l-evidenza kollha tindika li l-klijenti tagħna huma medjaturi bejn l-ekwipaġġ u l-grupp ta’ nies li kienu qed ifittxu l-kenn. Li għamlu minn kollox biex jikkalmaw sitwazzjoni diffiċli u li, fl-aħħar mill-aħħar, l-intenzjonijiet tagħhom kienu li jsalvaw il-ħajja tal-irġiel, nisa u tfal li riċentament ħarbu mill-orrur tal-Libja.”

“Fl-aħħar, infakkru lill-AG li l-klijenti tagħna mhumiex ‘numru kbir ta’ nies salvati’, iżda żewġ persuni. Narrattivi astratti li jiġbru n-nies flimkien ma jilħqux il-limiti tal-liġi kriminali.”

Il-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom Amnesty International u Sea Watch, kemm-il darba talbu wkoll lill-awtoritajiet Maltin biex iwaqqgħu l-akkużi.

More in Qrati u Pulizija