L-Ispettur Paul Camilleri qal lill-Maġistrat Gabriella Vella li l-Pulizija ġiet infurmata b’raġel, Marco Rapinett, li daħal l-għassa ta’ Bormla mimli dmija fejn qal li kien ġie mweġġa’ minn Josef Grech.
Rapinett ttieħed l-isptar u ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi u li jinsab fil-periklu tal mewt. Wara li ġie rrilaxxat, qal lill-Pulizija li qala' daqqa ta’ xabla ta’ Samurai, f'idejh mingħand Josef Grech meta kien f’daru fi Triq l-Inkoronazzjoni, Bormla.
L-Ispettur Camilleri spjega li l-vittma kien għand Grech jabbuża mid-droga fejn f'daqqa waħda Grech qisu daħal xi ħadd ġo fih u tah daqqa ta’ sikkina f'idejh. L-inċident seħħ is-Sibt 11 ta’ Novembru għal ħabta tad-9:15 ta’ filgħodu.
Dan ħareġ hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta' Josef Grech ta’ 33 sena minn Bormla. Grech huwa mixli li weġġa’ gravi lil Rapinett, attakka u hedded lir-raġel, kif ukoll li sar reċediv.
Minn informazzjoni li kisbet il-Pulizija ħareġ li l-akkużat u l-vittma kienu ilhom għal sitt ijiem sħaħ jabbużaw mill-kokaina, fejn l-akkużat tant kien ħażin minħabba d-droga li “ħaseb li l-vittma kien ix-xitan.”
Grech wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
L-uffiċjali tal-pulizija marru jarrestaw lil Grech, u sabuh bilqiegħda fuq l-għatba tad-dar tiegħu. Huwa qal lill-pulizija li kien żbalja lill-vittma bix-xitan. "Ħsibtu x-xitan, ħsibtu x-xitan."
Grech ittieħed l-isptar għall-osservazzjoni u wara li nħeles għall-interrogazzjoni huwa għażel li ma jweġibx għall-mistoqsijiet.
Xehed ukoll il-vittma Marco Rapinett li kien qiegħed jabbuża mid-droga wkoll, ilu ħbieb ma’ Grech minn mindu kienu tfal u stqarr li Grech ma kienx jaf x’kien jagħmel, spiċċa f’paranojja u tah daqqa ta’ xabla.
"Mija fil-mija li ma kienx jaf x'qed jagħmel." L-akkużat ingħata l-pleġġ fuq depożitu ta' €1,000 u garanzija personali ta' €7,000.
L-Ispettur Camilleri kien assistit mill-prosekutur Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri assistew lil Grech.