Pilota jinżamm arrestat mixli li hedded lis-sieħba tiegħu
Pilota ta’ 52 sena wieġeb mhux ħati li ħebb u hedded lis-sieħba tiegħu diversi drabi
More in Qrati u Pulizija
Pilota ta’ 52 sena wieġeb mhux ħati li ħebb u hedded lis-sieħba tiegħu diversi drabi
Pilota ta’ 52 sena wieġeb mhux ħati li ħebb u hedded lis-sieħba tiegħu li kienu ilhom flimkien erba' xhur.
It-Tlieta, Massimo Galea, minn Ta’ Sliema residenti l-Wardija, tressaq il-qorti fejn ċċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja wara li ġie mixli li ħebb u hedded is-sieħba tiegħu diversi drabi.
Fil-qorti il-prosekuzzjoni argumentat li l-akkużat u l-vittma kienu jaħdmu mal-istess kumpanija tal-arju Slovakka u propju għalhekk mhux idoneu li l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużat jaf fejn toqgħod il-vittma.
Ingħad ukoll li Galea pprova jagħmel kuntatt magħha meta heddidha permezz ta’ komunikazzjoni elettronika. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għad trid tixhed il-vittma, kif ukoll ma hemm l-ebda serħan il-moħħ li l-akkużat se jobdi l-kundizzjonijiet mogħtija mill-Qorti jekk jingħata l-pleġġ.
L-Ispettur Joseph Busuttil mexxa l-prosekuzzjoni flimkien mill-Avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Cynthia Tomasuolo u Cynthia Ellul Sciberras.
Għalih deher l-Avukat Jason Grima. Dan huwa każ relatat ma’ dak li seħħ Il-Qorti nhar il-Ġimgħa meta l-Maġistrat Abigail Critien ċaħdet każ li f’terminu legali jissejja ‘habeas corpus’ minn raġel li sostna li t-tfajla tiegħu mill-Ewropa tal-Lvant kienet “inħatfet” mid-dar tiegħu mill-pulizija. It-talba saret minn Massimo Galea, f’seduta meqjusa bħala waħda stramba li matulha l-pulizija xehdu li l-mara qatt ma kienet arrestata.
Kollox jindika l-mara sempliċiment telqet lil Galea, u riedet tara li l-akkużat ma jkunx jaf fejn marret. Galea ressaq rikors għal proċedura ta’ ‘habeas corpus’ – proċedura disponibbli għal persuni taħt arrest, li teħtieġ li l-maġistrat ikun fid-dmir jeżamina b’urġenza l-legalità tal-arrest tagħhom. Galea ma kienx persuna arrestata u fetaħ il-proċedura f’isem ‘t-tfajla’ tiegħu.
Il-Maġistrat Critien qalet nhar il-Ġimgħa li għalkemm Galea teknikament ma kellu l-ebda pożizzjoni fil-każ, il-qorti xorta waħda kienet ħallietu jgħid tiegħu, qalet il-maġistrat. “Filwaqt li ddeplorat l-azzjonijiet tiegħu, li ħela l-ħin prezzjuż ta’ kulħadd billi ressaq proċeduri ta’ natura urġenti meta lanqas kien hemm arrest jew detenzjoni, il-qorti qieset li dan l-aġir juri disprezz lejn l-awtorità tagħha, speċjalment fid-dawl tal-ħela ta’ ħin u riżorsi pubbliċi fi proċeduri li qatt ma kellhom jiġu ppreżentati, għax huma għal kollox nulli, irregolari u abbużivi,” temmet tgħid il-Qorti.