Ħabta bejn żewġ vetturi fil-Mosta
It-Tnejn, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, seħħ inċident tat-traffiku fi Triq il-Ħtajriet, il-Mosta.
Minn stħarriġ preliminari tal-Pulizija rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn karozza misjuqa minn mara ta’ 29 sena residenti San Ġwann u karozza oħra misjuqa minn mara ta’ 73 sena residenti Raħal Ġdid li kien fiha żewġ passiġġieri; mara ta' 63 sena residenti Wied il-Għajn u mara ta’ 74 sena residenti Raħal Ġdid.
Il-persuni involuti ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u l-passiġġieri ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura.
Aktar tard, il-mara ta’ 74 sena ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi filwaqt li l-mara l-oħra ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif.
Mara tweġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku f'Ħal Għaxaq
Mara ta’ 62 sena u toqgħod Ħal Għaxaq, għal xi s-sitta ta' filgħaxija tat-Tnejn, ittieħdet l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħet f’inċident tat-traffiku f’Dawret Ħal Għaxaq, Ħal Għaxaq.
Minn stħarriġ irriżulta li l-mara ntlaqtet minn karozza, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 70 sena residenti Ħal Għaxaq ukoll.
Il-mara ngħatat l-għajnuna minn tim mediku, ittieħdet l-isptar b’ambulanza u ġiet ċċertifikat li weġġgħet gravi.
Raġel l-isptar wara inċident fil-Mellieħa
Raġel ta’ 47 sena u joqgħod il-Furjana, qed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei għal ġrieħi gravi li sofra wara ħabta fi Triq il-Prajjiet, il-Mellieħa.
It-Tnejn, għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija, seħħ inċident tat-traffiku, illi rriżulta li l-vittma kien qiegħed isuq karozza, tilef il-kontroll u ħabat f’ħajt tassejjieħ.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Inċident tat-traffiku f’Ħal Qormi
Għal xi s-sitta neqsin kwart ta' filgħaxija tat-Tnejn, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq Patri G. Spiteri Fremond, Ħal Qormi.
Minn stħarriġ irriżulta li mara ta’ 50 sena residenti Ħal Qormi ittieħdet b’emerġenza l-Isptar Mater Dei wara li karozza nqalbet u baqgħet dieħla f'erba' karozzi li kienu pparkjati
Il-mara, li kienet ix-xufier tal-karozza, ngħatat l-assistenza medika, ittieħdet l-isptar b’ambulanza u ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi.