Noel Azzopardi inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-qtil ta’ Eric Borg ta’ 27 sena fl-ewwel tas-sena.
Azzopardi, ta’ 39 sena residenti r-Rabat, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Monica Vella akkużat bi qtil.
Huwa ġie mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel reat, li spara arma tan-nar waqt li kien anqas minn 200 metru bogħod minn raħal.
Il-prosekuzzjoni spjegat li fl-ewwel jum tal-2024, il-pulizija rċeviet rapport ta’ żewġ tiri sparati fi Triq Fidloqqom u li raġel kien mimdud mal-art fl-istess triq.
Ġie spjegat ukoll li għall-ħabta tal-5:15pm, Azzopardi allegatament mar l-għassa tar-Rabat ma’ xi membri tal-familja tiegħu u qal li kien spara lil Borg.
Waqt il-proċeduri, l-avukat difensur Arthur Azzopardi talab li l-prosekuzzjoni tippreżenta r-rekords mediċi tal-akkużat mill-Isptar Mater Dei u l-Isptar Monte Carmeli.
Azzopardi talab ukoll li d-dokumenti jkunu disponibbli lid-direttur tal-ħabs, peress li ma kinitx se tintalab il-libertà proviżorja.
Ma ngħataw l-ebda dettalji dwar il-mottiv tal-qtil.
Il-vittma, li kien xufier ta’ taxi, inqatel wara argument fi Triq Fidloqqom fl-inħawi tan-Nigret fir-Rabat.
Il-vittma huwa mifhum li kien involut f’argument mal-qattiel tiegħu. Borg ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post minn tim mediku.
Azzopardi qed ikun rappreżentat mill-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Alex Miruzzi.