Dalgħodu f'Tas Sliema, il-Pulizija qed tinvestiga t-tieni omiċidju tas-sena.
Preżentament fi Triq Sir George Borg hemm preżenza qawwija ta' Pulizija b'rabta ma' l-omiċidju
Il-kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani informa lill-midja s-Sibt filgħodu u qal li għal ħabta tas-sitta u kwart ta' filgħodu, raġel daħal fl-għassa ta' Tas-Sliema u qal lill-Pulizija li qatel persuna f'appartament. Il-Pulizija marru minnfih fuq il-post fejn sabu mara bla ħajja minduda fuq is-sodda.
Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li l-mara sofriet daqqiet ta' arma bil-ponta. L-allegat aggresur huwa Kolombjan u għandu 43 sena; Il-vittma ukoll għandha 43 sena u hija mill-Kolombja.
Mezzi tax-xandir irrapurtaw li l-vittma u s-suspettat it-tnejn kienu jgħixu f'Malta legalment. Il-mara ilha toqgħod f'Malta minn Ottubru 2022, filwaqt li r-raġel sar residenti f’Jannar 2023. Ġie żvelat ukoll li m'hemm l-ebda rekord bejn il-vittma u l-allegat aggresur li qatt ressqu xi ilmenti kriminali jew rapporti ta' vjolenza domestika kontra xulxin.
Il-Maġistrat Lara Lanfranco qed tmexxi l-investigazzjoni.