Raġel ta’ 43 sena mill-Kolombja ċaħad li qatel lill-eks sieħba tiegħu f’Tas-Sliema, waqt li tressaq il-Qorti l-Ħadd.
Fabian Eliuth Garcia wieġeb mhux ħati tal-omiċidju volontarju ta’ Sandra Ramirez, li nstabet minduda fuq sodda wara li nqatlet b’sikkina f’appartament fi Triq Sir George Borg, Tas-Sliema nhar is-Sibt li għadda.
Garcia ta ruħu lill-pulizija ftit wara li seħħ il-qtil.
Il-Maġistrat Elaine Rizzo semgħet lill-Ispettur tal-Pulizija fil-prosekuzzjoni Wayne Camilleri jixhed li s-Sibt fis-6.15am Garcia kien ġie fl-għassa ta’ Tas-Sliema.
Fuq app tat-traduzzjoni fuq il-mowbajl, kiteb “Qtilt lill-eks sieħba tiegħi f’argument ġewwa dar tiegħi” u ta l-indirizz. Huwa ġie arrestat u ta ċ-ċavetta lill-pulizija.
L-uffiċjali marru fl-appartament u sabu l-katavru tal-mara b’numru ta’ ġrieħi viżibbli ta’ sikkina.
Ma saret l-ebda talba għal pleġġ.
Dehru għall-prosekuzzjoni l-avukati Ramon Bonnet Sladden u Kaylie Bonnet mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-ispetturi tal-Pulizija Michael Vella u Wayne Camilleri.
L-avukat tal-għajnuna legali Julia Micallef Stafrace kienet avukat difensur.