Jintlemaħ katavru fil-baħar fi stat ta' dekompożizzjoni avvanzat fl-inħawi ta’ Wied ix-Xaqqa, Birżebbuġa.
Is-Sibt, għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħodu, il-Pulizija ġiet infurmata u malli kisbet din l-informazzjoni marret malajr fuq il-post fejn sabet il-katavru fil-baħar.
Għaldaqstant intalbet l-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-katavru ttella’ fuq lanċa tal-Protezzjoni Ċivili fejn dan iddaħħal mal-moll fil-Bajja ta’ San Ġorġ, f’Birżebbuġa.
Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-ġisem huwa ta’ raġel, però mistennija ssir awtopsja fuq il-katavru bil-għan li tiġi stabbilità l-identità u l-kawża tal-mewt peress li nstab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni.
Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonjieti tal-Pulizija għadhom għaddejjin.