Raġel ta’ 40 sena mir-Rumanija ġie arrestat b’rabta ma’ allegat importazzjoni tal-kannabis.
Wara li nġabret l-informazzjoni neċessarja relatata mal-involviment ta' persuna f'importazzjoni ta' droga, nhar l-Erbgħa l-Pulizija waqfet raġel waqt li kien fil-vettura tiegħu fis-Swieqi.
Wara tfittxija li saret fil-vettura nstabu mal-10 kilogrammi ta’ sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis f’diversi boroż lesti għat-traffikar.
Membri mid-Dipartiment tad-Dwana assistew lill-Pulizija fit-tfittxijiet.
Il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwarteri Ġenerali, il-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti illum, għall-ħabta tal-11am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.