Ħames immigranti mietu wara li dgħajsa nqalbet qrib iż-Żonqor waqt operazzjoni ta’ salvataġġ mill-Forzi Armati.
F’konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-Viċi Kmandant tal-AFM, Edric Zahra spjega li għall-ħabta tal-10:45am iċ-ċentru tal-operat tal-AFM irċieva telefonata biex tgħarrafhom b’dgħajsa tal-immigranti madwar ħames mili ‘l barra miż-Żonqor.
Zahra spjega li ajruplan AFM intbagħat fil-post tad-dgħajsa sabiex tiġi vverifikata l-informazzjoni. Imbagħad ġie kkonfermat li dgħajsa ta’ 25 pied b’żewġ muturi kienet madwar tliet mili ‘l bogħod mill-kosta Maltija. Intbagħat bastiment tal-AFM fil-post tad-dgħajsa. Meta l-AFM iltaqgħet mad-dgħajsa tal-migranti ħdejn fish farm, inbdiet operazzjoni ta’ salvataġġ, hekk kif Zahra spjega li, “id-dgħajsa nqalbet f’kolp.”
Wara l-inċident, l-AFM bagħtet aktar bastimenti fiż-żona sabiex isalvaw lill-migranti li issa kienu fil-baħar.
Zahra stqarr li 21 immigrant ittieħdu fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Safi, tmienja ttieħdu l-isptar għall-kura medika, filwaqt li ħames persuni mietu fil-baħar. Id-Deputat Kmandant qal li l-vittmi kienu mara u erba’ rġiel. Il-migranti salvati li ttieħdu fiċ-ċentru miftuħ u fl-isptar huma kollha rġiel.
Huwa maħsub li l-migranti oriġinaw minn għadd ta’ pajjiżi, fosthom is-Sirja, l-Eġittu, il-Gana u l-Eritrea.
L-għaddasa tal-AFM bħalissa għadhom fl-inħawi biex jikkonfermaw jekk il-vittmi kollha ġewx irkuprati