Raġel minn Ħaż-Żabbar wieġeb mhux ħati għall-akkużi li ffroda għexieren ta’ eluf ta’ ewro minn erba’ rġiel b’rabta ma’ dejn immaġinarju, kif ukoll li tahom fastidju u li ssegwihom.
Josemar Borg ta’ 37 sena minn Ħaż-Żabbar tressaq taħt arrest quddiem il-maġistrat Elaine Rizzo it-Tlieta waranofsinhar, akkużat bi frodi u li għamel qligħ frawdolenti ta’ aktar minn €5000, kif ukoll misapproprjazzjoni ta' flus. Borg qed jaffaċċja wkoll akkużi ta’ fastidju, li wettaq reat matul il-perjodu ta’ sentenza sospiża, li saq mingħajr liċenzja u assigurazzjoni u li kien riċediv.
L-Ispetturi Eman Hayman u Clive Abela, flimkien mal-avukati Rebecca Spiteri u Dejan Darmanin mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qalu li l-pulizija rċeviet rapport mingħand raġel li sostna li Borg kien qed jibbumbardjah b’telefonati u jdur quddiem daru, kif ukoll isegwih fit-triq.
Il-pulizija qalet li l-allegat fastidju kien jikkonsisti f'Borg jiġri wara l-vittma. il-vittma ma kienx f'dejn mal-akkużat iżda kien jitolbu biex iħallsu lura l-flus. Il-vittma eventwalment ressqet rapport tal-pulizija fl-għassa ta’ Tas-Sliema.
Iżda hekk kif l-investigazzjoni tal-pulizija mxiet 'il quddiem, l-uffiċjali kienu identifikaw aktar vittmi u eventwalment kienu sejħu lid-Dipartiment tal-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji (FCID), minħabba l-ammonti ta' flus involuti.
Borg wieġeb mhux ħati, bl-avukata tiegħu, Josephine Farrugia Mifsud, titlob il-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba, u semmiet in-natura tar-reati u r-riskju li Borg ibagħbas l-evidenza.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda mill-qorti.