Il-Qorti Kriminali tat sentenza ta’ 24 sena ħabs lil raġel għal vjolenza domestika, stupru fiż-żwieġ fuq martu tqila u ġiegħelha tipprostituta.
Is-sentenza ngħatat mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera lbieraħ filgħaxija, fi tmiem il-ġuri ta’ 4 ijiem bil-ġurija.
Il-ġurati taw sentenza ta’ ħati kontra l-imputat Niġerjan ta’ 34 sena, fuq il-kapijiet kollha tal-akkuża wara kważi 6 sigħat ta’ deliberazzjoni.
Ir-raġel ma jistax jiġi identifikat fl-istampa minħabba projbizzjoni imposta mill-qorti fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-partijiet.
Il-Prosekuturi Darlene Grima u Kaylie Bonett dehru għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Simon Micallef Stafrace inħatar biex jassisti lill-imputat bħala avukat tal-għajnuna legali.