Is-Sibt għall-ħabta tas-1:30pm, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’residenza fi Triq San Tumas, il-Marsa.
Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li raġel allegatament kien daħal fir-residenza u aggredixxa żewġ tfajliet ta’ 12 u 15-il sena, b’arma li taqta’ u bil-ponta.
Iż-żewġt aħwa ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura, fejn aktar tard it-tfajla ta’ 12-il sena ġiet iċċertifikata bi ġrieħi serji, filwaqt li l-kundizzjoni tat-tfajla ta’ 15-il sena għadha mhux magħrufa.
Fil-ħin tal-każ, fir-residenza kien hemm ukoll żagħżugħ ta’ 14-il sena li ma sofriex ġrieħi fiżiċi, iżda għaddej b'assistenza għat-trawma għaddha minnha.
L-allegat aggressur, li minn aktar investigazzjonijiet ġie identifikat bħala raġel Malti ta’ 43 sena residenti Bormla, ġie arrestat ftit tal-ħin wara f’Bormla.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak li ħatar inkjesta fuq il-każ. L-investigazzjonijiet tal- Pulizija għadhom għaddejjin.