Nhar it-Tlieta, għall-ħabta tas-6pm, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq Fleur-De-Lys, Birkirkara minħabba li kien hemm persuna li kellha xi ġrieħi.
Immedjatament, il-Pulizija marru fuq il-post u rriżulta li żagħżugħ ta’ 17-il sena, residenti l-Ħamrun, kien intlaqat minn karozza, bix-xufier li ħarab minn fuq il- post.
Fl-inċident xi vetturi pparkjati ġarrbu xi ħsarat.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Investigazzjonijiet intensivi tal-pulizija wasslu sabiex madwar siegħa wara nstabet l-karozza involuta u ġie arrestat l-allegat xufier, żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti n-Naxxar.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea li ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward dan il-każ għadhom għaddejjin biex tiġi stabbilita d-dinamika tal-każ.