Aġġornat fl-10:15am bir-rekuża tal-maġistrat
(Filmat: James Bianchi, Ġurnalist: Karl Azzopardi)
Il-Maġistrat Leonard Caruana qal li “kien konxju ta’ ċerti proċeduri” u pproċeda bir-rikuża tiegħu. Il-Qorti bgħatet lura d-dokumenti lir-registrar sabiex il-każ jgħaddi f’idejn Maġistrat ieħor.
Wara li l-qorti ddikjarat id-deċiżjoni tagħha, l-avukati Jason Azzopardi u Michael Scriha, infurmaw lill-qorti li ma kellhom l-ebda problema li jitkompla l-każ ppresedut mill-maġistrat Leonard Caruana, iżda aċċettaw is-sottomossjoni tiegħu.
Il-pubbliku u l-midja ntalbu joħorġu mill-awla u s-smigħ tal-każ tkompla mingħajr il-preżenza tagħhom.
L-ex MP Laburista Silvio Grixti se jkun qed jaffaċja akkużi b’rabta mal-frodi u kriminalità organizzata flimkien ma' individwi oħra allegatament involuti Roger Agius, Emmanuel Spagnol, Dustin Caruana u Luke Saliba.
Ir-racket tal-benefiċċji soċjali jinvolvi persuni li allegatament irċivew medja ta’ €450 kull xahar mhux mistħoqqa mid-Dipartiment tal-Sigurtà Soċjali.
Il-ħames irġiel mhux mistennija jittressqu quddiem il-Qorti. Minflok il-persuni se jaffaċjaw akkużi li ffurmaw parti minn kriminalità organizzata, li ffrodaw lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali b’ammont ta’ aktar minn €5,000, falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali li jintitolaw lid-detenturi għall-ħlas u għamlu użu minn dawn id-dokumenti.
Tnejn mill-irġiel, Dustin Caruana u Emanuel Spagnol, se jkunu akkużati wkoll li kisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest wara li kienu ngħataw il-ħelsien mill-arrest, b’rabta ma’ każijiet oħra.
L-Ispetturi tal-Pulizija Wayne Borg, Andy Rotin u Shaun Friggieri qed imexxu l-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati Abigail Caruana Vella, Charmaine Abdilla mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali..
Id-deputat allegatament ipprovda dokumenti mediċi foloz biex jgħin lin-nies, biex jirċievu benefiċċji soċjali b’medja ta’ €450 fix-xahar għal diżabbiltà severa li ma jbatux minnha.