F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ingħataw il-ġurament tal-ħatra 18-il Kuntistabbli ta’ Riserva, 12-il raġel u 6 nisa.
Dawn huma uffiċjali li kienu servew fil-Korp tal-Pulizija jew membri ta’ xi Korp dixxiplinat ieħor, u llum reġgħu urew ix-xewqa li jingħaqdu mill-ġdid mal-Korp.
Għaċ-ċerimonja tal-ħatra attendew il-Kmandant tal-Akkademja tal-Forzi Dixxipplinati, Karen Galea; il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà.
Dawn il-Kuntistabbli ta’ Riserva ngħataw taħriġ fl-Akkademja tal-Forzi Dixxipplinati f’Ta’ Kandja, li kien jinkludi fost oħrajn taħriġ dwar ix-xogħol tagħhom bħala uffiċjali tal-Pulizija; fuq proċeduri ta’ kontroll u trażżin; l-użu tal-armi; tagħrif dwar il-Pulizija tal-Komunità; l-etika; customer care; il-kommunikazzjoni; kif ukoll dwar vjolenza domestika u l-vittmi vulnerabbli; il-liġi kriminali; id-drittijiet fundamentali tal-bniedem; l-Istrateġija tat-Trasformazzjoni; u kors fl-ewwel għajnuna, fost oħrajn.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri f’kelmtejn fakkar li rreklutaġġ tal-Pulizija ta’ Riserva huwa immirat biex isaħħaħ is-servizzi li l-korp tal-pulizija jagħti lin-nies u biex jissoda aktar il-fiduċja qawwija li teżisti fil-Korp.
Huwa qal li llum il-ġurnata, bis-saħħa tal-ftehim settorjali l-ġdid, il-pulizija raw "il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kumpens finanzjarju jitjiebu".
Huwa ħeġġiġhom biex ikunu parti mit-trasformazzjoni li għaddejja fil-korp, jieħdu inizjattivi u jkunu qrib il-komunità fejn se jservu.