L-Imħallef Ramona Frendo se tinħatar formalment fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Fi stqarrija, il-Gvern spjega kif il-kandidata Maltija biex isservi fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, Ramona Frendo, instabet li tissodisfa l-kwalifiki meħtieġa, minn panel ta’ mħallfin minn seba’ pajjiżi, skont kif titlob il-liġi tal-Unjoni Ewropea biex isservi bħala Imħallef fuq din il-Qorti.
Frendo se tkun qed tieħu post, Imħallef Peter G. Xuereb.
Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata l-Erbgħa mill-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tas-27 Stat Membru, li ltaqgħet f’Brussell.
Ramona Frendo ilha mill-2019 isservi bħala mħallef fuq il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, għandha 22 sena fil-prattika legali f’oqsma li jvarjaw minn litigazzjoni f’materji ta’ natura Ċivili; Kummerċjali; Kriminali; u fl-oqsma tal-Assigurazzjoni; tal-Liġi tal-Familja; u dik Industrijali.
Hija ħadet il-formazzjoni u t-taħriġ akkademiku tagħha mill-Università ta’ Malta, mill-Università ta’ Cambridge u fl-aħħar nett ukoll minn Kings College London. Hija serviet bħala konsulent f’diversi fergħat tal-liġi nazzjonali u serviet ukoll fil-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
“Il-Gvern jemmen li bl-istess mod li Dr Frendo wriet il-ħiliet tagħha fil-kariga ta’ mħallef fuq il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, se turi l-kapaċitajiet tagħha fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,” l-istqarrija qrat.
Fl-aħħar, il-Gvern jirringrazzja lill-Imħallef Xuereb għas-servizz tiegħu fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.