Raġel ta’ 36 sena mill-Birgu, imma residenti l-Imqabba, tressaq il-Qorti l-Ħamis filgħodu, mixli li attakka lil-eks sieħba tiegħu b’sikkina.
Il-Maġistrat Viktor Axiak sema’ kif jumejn ilu, il-pulizija tad-distrett tat l-assistenza lill-mara wara argument li nqala bejnha u l-akkużat.
Mal-pulizija, il-vittma allegat li meta marret tiġbor xi affarijiet mir-residenza tal-imputat, l-akkużat ħareġ sikkina għaliha u għamilha ma’ għonqha.
Hija qalet li meta provat taħrab mill-post, l-akkużat għamilha s-sikkina ma’ qadda, u wara prova jwaddab il-ġebel lejha.
Huwa wieġeb “mhux ħati,” għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-avukat tal-vittma qal li l-mara lesta taħfirlu u twaqqaf il-proċeduri kontrih. Fil-fatt il-vittma xehdet li tixtieq taħfirlu għax “mhux bniedem ħażin,” u “għandu bżonn l-għajnuna.”
Qalet ukoll li tixtieq li jibqgħu jgħixu ħajjithom, mingħajr ma jispiċċa l-ħabs.
Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni qalet li ma tistax tifhem kif wara biss jumejn, il-vittma bidlet fehmta, meta quddiem il-pulizija dehret imbikkma b’dak li ġara.
Il-Qorti ddeferixxiet il-kawża għal nhar it-Tnejn, wara li rat evidenza li l-imputat hu sd ta’ żewġ armi tan-nar.
Il-Maġistrat talab lill-prosekuzzjoni biex tassigura li dawn huma reġistrati, u li ma jibqgħux fil-pussess tiegħu sakemm il-kawża tiġi konkluża.
Intant, il-Qorti aċċettat it-talba tal-avukat difensur, għal ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma jagħmilx kuntatt mal-eks sieħba, filwaqt li mponiet fuqu garanzija personali ta’ €20,000.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Christian Cauchi. L-akkużat deher assistit mill-avukat Nicholas Mifsud. Għal parte civile deher l-avukat Arthur Azzopardi.