Konkluża l-inkjesta maġisterjali dwar l-Electrogas u 17 Black
L-inkjesta maġisterjali, immexxiha mill-Maġistrat Charmaine Galea, bdiet bl-iżvelar tal-Panama Papers, iżda twesgħet biex tinkludi investigazzjoni dwar kumpaniji privati f’Dubai, inkluż 17 Black, u Macbridge
minn Marianna Calleja
Maġistrat ikkonkludiet investigazzjoni ta’ sitt snin dwar l-allegat koruzzjoni marbut ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-proġett tal-impjant tal-Electrogas.
L-inkjesta maġisterjali, immexxiha mill-Maġistrat Charmaine Galea, bdiet bl-iżvelar tal-Panama Papers. Wara twesgħet biex tinkludi investigazzjoni dwar kumpaniji privati f’Dubai, inkluż 17 Black, u Macbridge.
Jikteb fuq il-midja soċjali, l-avukat Jason Azzopardi qal li l-inkjesta maġisterjali tinkludi tliet inkjesti f’waħda.
Milli tista’ tifen din il-gazzetta, il-maġistrat tat lill-Avukat Ġenerali l-konklużjonijiet tagħha, flimkien mar-rekomandazzjonijiet tagħha għal passi kriminali kontra diversi persuni.
Din hija t-tieni inkjesta kbira li ġiet konkluża fil-kampanja elettorali ta’ din is-sena, bl-ewwel waħda, dik tal-Vitals, tiġi konkluża fil-ġurnata li nfetħu n-nominazzjonijiet tal-kandidati.
17 Black, Yorgen Fenech u Electrogas
Investigazzjoni ta’ Times of Malta u Reuters fl-2018 kienet sabet li 17 Black kienet proprjetà tan-negozjant Yorgen Fenech, li sussegwentement ġie mixli li kien il-moħħ fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni jikkonċernaw tender ta’ impjant tal-gass li ngħata lill-Electrogas ftit wara li l-Partit Laburista tela’ fil-poter fl-2013.
Fenech, individwalment u bħala parti mill-Grupp Tumas; il-Grupp Gasan u Paul Apap Bologna, kienu l-unika Maltin fil-konsorzju Electrogas. L-azzjonisti l-oħra huma Siemens tal-Ġermanja u Socar tal-Ażerbajġan.
Fi Frar 2016, Caruana Galizia kienet żvelat kif Mizzi, li dak iż-żmien kien ministru tal-enerġija, u Schembri, li kien chief of staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama. Il-proċess biex jiġu akkwistati dawn il-kumpaniji beda minn Nexia BT, ditta tas-servizzi finanzjarji, ftit wara li l-PL tela’ fil-poter fl-2013.
Ftit xhur wara, l-iżvelar internazzjonali tal-Panama Papers ikkonfermat l-informazzjoni li kienet żvelat Caruana Galizia. Hawn il-Prim Ministru Joseph Muscat kien neħħa lil Mizzi mill-portafoll tal-enerġija u s-saħħa iżda żammu bħala ministru fi ħdan l-OPM. F’dan iż-żmien, ma ttieħdet l-ebda azzjoni kontra Schembri.
Fi Frar 2017, Caruana Galizia żvelat l-eżistenza ta’ kumpanija f’Dubai bl-isem ‘17 Black,’ b’messaġġ kriptiku li ma jiddentifikax lil Yorgen Fenech bħala s-sid. Tmien xhur wara, Caruana Galizia nqatlet fi splużjoni qawwija ta’ karozza bomba ftit passi ‘l bogħod mid-dar tagħha fil-Bidnija.
Fil-ħin tal-qtil, Caruana Galizia kienet irċeviet numru sostanzjali ta’ informazzjoni dwar il-konsorzju Electrogas.
Macbridge, u Chen Cheng
F’investigazzjoni separata minn Times of Malta u Reuters ġie żvelat li Macbridge, kumpanija bbażata f’Dubaj, kienet proprjetà ta’ Tang Zhaomin, il-kunjata tan-negozjatur Ċiniż tal-enerġija Chen Cheng.
Cheng kellu rwol ewlieni fil-ftehim ta’ trasferiment ta’ ishma li ra lill-kumpanija statali Ċiniża Shanghai Electric Power tixtri sehem ta’ 33% fl-Enemalta fl-2014. Il-ftehim kien jiswa €320 miljun.
Cheng kien ressaq ukoll il-proġett tal-wind farm tal-Montenegro lill-Enemalta li minnu gawda wkoll Yorgen Fenech. Il-ftehim tal-Montenegro huwa suġġett għal inkjesta maġisterjali separata.
L-inkjesta 17 Black intalbet minn David Casa, filwaqt li tal-Panama Papers intalbet mill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil. Minħabba l-koinċidenza fl-investigazzjonijiet, l-inkjesti separati ġew magħquda f'wieħed. Jason Azzopardi serva bħala l-avukat li fassal it-talbiet fiż-żewġ istanzi.