L-akkużat li poġġa splussiv quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jinżamm taħt arrest

Meta mitkellem mill-pulizija, il-ġuvni akkużat li poġġa splussiv quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista ta indikazzjoni li seta’ kien hemm xi miri oħra fejn seta’ jitqiegħed materjal splussiv, fosthom il-parlament

Ritratt ta' ONE News
Ritratt ta' ONE News

Il-ġuvni ta’ 18-il sena minn Santa Venera, bħalissa akkużat li poġġa splussiv quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, inżamm taħt arrest.

Tisma’ l-każ il-Ġimgħa filgħodu, il-Qorti ġiet mitluba mill-avukat difensur sabiex taħtar tliet psikjatri sabiex jiġi identifikat l-istat ta’ ġenn li l-imputat kien fih fil-mument tar-reat.

Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, bl-argument li t-talba hi prematura ġaladarba l-espert tal-Qorti kkonkluda diġa li l-akkużat hu tajjeb biex ikun investigat, u jwieġeb għall-akkużi kontrih.

Intant, il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil ma laqgħetx it-talba tad-difiża

Il-Qorti semgħet kif fit-30 ta’ Mejju, l-akkużat David Brincat, poġġa splussiv quddiem iċ-Ċentru Laburista fil-Ħamrun.

L-ispettur speja kif minn investigazzjoni li saret, l-akkużat ħarbet tiġri direzzjoni lejn il-Ħamrun, meta l-isplussiv tqiegħed fil-post.

Kompla jispjega li meta marru għand il-ġenituri tiegħu, indikawlu li David Brincat seta’ kien qiegħed fil-garaxx f’Santa Venera. Il-Pulizija marru jfittxuh fejn indikat u hemmhekk Brincat ġie arrestat immedjatament.

Waqt it-tfittxija, il-pulizija sabet materjal allegatament splussiv u meta nfetaħ il-garaxx instab iktar materjal allegatament splussiv.

L-imputat indika li kellu bżonn imur fiċ-ċentru tas-saħħa biex jingħata ċerta kura. Hemm ġie akkumpanjat u riferut għall-Isptar Mater Dei. Mill-Isptar Mater Dei mbagħad ġie riferut għall-Isptar Monte Karmeli fejn inżamm sal-Erbgħa li għadda.

Rapporti oħra li saru indikaw lill-Pulizija li seta’ kien l-istess persuna li ħalla splussivi quddiem żewġ spiżeriji – waħda f’Birkirkara u l-oħra f’Santa Venera.

Hu ġie mitkellem mill-pulizija l-Erbgħa stess, wara li ġie rilaxxat mill-psikjatra u reġa’ ġie arrestat b’mandat t’arrest minn Ian Farrugia, fejn ħareġ li seta’ kien hemm xi miri oħra fejn seta’ jitqiegħed materjal splussiv, fosthom il-parlament.

L-akkużat inżamm taħt arrest preventiv.

Il-Qorti, ippreseduta mill-maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fir-rigward tal-vittmi tal-akkużat.

Dan id-digriet jibqa' effettiv sas-sentenza finali.

L-avukati AG Kaylie Bonett u Joseph Camilleri Azarov, flimkien mal-ispetturi tal-pulizija Wayne Camilleri u Lydon Zammit tħarrku.

L-avukati Nicholas Mifsud u Lara Attard kienu avukati difensuri.

More in Qrati u Pulizija