Mara Kolumbjana ta’ 33 sena mietet f’inċident tat-traffiku fir-Rabat f’dik li kienet it-tielet fatalità fit-toroq Maltin matul il-ġurnata tat-Tlieta.
Waranofsinhar anzjana nqatlet f’inċident f’Ħal Qormi u filwaqt li sigħat qabel raġel miet wara ħabta frontali fiż-Żebbuġ.
Il-pulizija qalet li l-inċident seħħ fi Triq it-Tabija, ir-Rabat għall-ħabta tal-10:45pm.
Fuq il-post intbagħat tim mediku biex jassisti, u x-xufier ġie ttrasportat b’ambulanza l-Isptar Mater Dei għall-kura. Il-mara, li kienet passiġġier, ġiet ddikjarata mejta fuq il-post.
Aktar tard, is-sewwieq tal-mutur ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-Maġistrat Joe Mifsud, ġie infurmat bl-inċident u fetaħ inkjesta. L-investigazzjoni tal-pulizija għadha għaddejja.