Is-sidien tal-kumpless Aria jfittxu żgumbrament ta’ kerrej li kera parti mill-kumpless bla permess

Is-sidien allegaw li l-kerrej kera l-art lil terza kumpanija, tal-istess sid, mingħajr permess

Il-kumpanija propjetarja tal-Kumpless Aria fl-Iklin talbet lill-Qorti biex tkeċċi kumpanija li torganizza avvenimenti hemmhekk, wara li allegatament kisret il-kuntratt tal-kiri tagħha.  

Is-sidien allegaw li l-kerrej kera l-art lil terza kumpanija, tal-istess sid, Dominic Micallef. 

Micallef huwa s-sid tan-Nightclub Tattingers fir-Rabat, iżda bħalissa qed jipprova jbiddel l-istess art fir-Rabat f’lukanda. 

Is-sidien tal-kumpless Aria jakkużaw lil Micallef li opera minn u ospita avvenimenti fi żvilupp illegali li l-MEPA qed titlob li jitneħħa, f’żona fejn avvenimenti bħal dawn huma meqjusa bħala illegali mill-MEPA. 

F’applikazzjoni mressqa riċentement quddiem il-Bord tar-Regolazzjoni tal-Kera mis-sidien ta’ Aria, Martan Limited, kontra Dominic Micallef u Signature Entertainment Festivals Limited, ġie sostnut li DJRL Dance Ltd kienet qed tikri l-proprjetà f’Novembru tal-2021 u li minn dak iż-żmien, kien twettaq numru ta’ xogħol illegali. 

Martan Ltd qalet li riċentement skopriet li DJRL Dance kienet kriet ukoll il-post lil Signature Entertainment Limited. 

Intant, issemma wkoll kif minkejja li obbliga ruħu li jneħħi l-kostruzzjonijiet illegali, DJRL Dance kien naqas milli jagħmel dan u kien ostakola lil Martan Ltd meta kien ipprova jagħmel l-istess xogħol. 

Ir-rikors, iffirmat mill-Avukati Franco Galea u Chantel Muscat, jgħid li għalhekk qed jitlob l-iżgumbrament ta’ DJRL Dance.  

Micallef u grupp ieħor ta’ kumpaniji li hu marbut magħhom, huma wkoll suġġetti ta’ każ separat ippreżentat minn Seasport Ltd, li qed titlob €1,270,000 mingħand is-SEG Concessions Limited ta’ Micallef, b’rabta mal-bejgħ tal-Mambo Beach Club fl-Armier. 

Fil-każ ta’ Seasport Ltd, l-atturi jallegaw li SEG Concessions kienet qed tiddevja d-dħul mill-operat tal-Beach Club lill-kumpaniji oħt tagħha, billi ċċaqlaq fondi minn kumpanija għal oħra biex tevita li tħallas kredituri privileġġjati.  

Il-Qorti f’dan il-każ qed tintalab “tneħħi l-velu korporattiv” ta’ SEG Concessions Ltd, SEG MBO Ltd u SEG Holdings Ltd u twarrab il-personalitajiet ġuridiċi separati tal-kumpaniji biex tosserva li Micallef huwa l-uniku sid benefiċjarju tagħhom kollha. 

More in Qrati u Pulizija