L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qed jitlob r-reviżjoni tal-ordni tal-iffriża li saret kontrih.
L-ordni, li rat l-iffriżar ta’ €30 miljun mill-kontrijiet ta’ Muscat, trid “tiġi riveduta u mnaqqsa konsiderevolment,” skont it-talba tal-avukati.
Joseph Muscat din il-ġimgħa sar l-ewwel prim ministru Malti li tpoġġa taħt att ta’ akkuża fuq reati ta’ korruzzjoni.
Ishmael Psaila, l-avukat ta’ Muscat, spjega li jekk wieħed jieħu f’konsiderazzjoni l-Inkjesta Vitals, l-istess inkjesta li rrakomandat l-arrest ta’ Muscat, l-ordni tal-iffriżar għandha tkun ta’ €60,000.
Dan filwaqt li Psaila talab wkoll li l-prosekuzzjoni tippreżenta provi li jiġġustifikaw l-għażla li jiffriżaw €30 miljun minflok.
Psaila nnota li ordni tal-iffriżar kontra Sciacca Grill kien ġie revokat, deċiżjoni li saret qabel ġie deċiż mill-maġistrat Rachel Montebello li ma kienx hemm biżżejjed provi biex il-kumpanija titpoġġa taħt att ta’ akkuża. Din id-deċiżjoni ma tfissirx neċessarjament li l-kumpanija ġiet liberata: il-kumpanija tista’ terġa’ titressaq fuq l-istess akkużi jekk il-prosekuzzjoni tikseb il-provi meħtieġa b’aktar investigazzjoniiet.
L-avukat sostna li l-istess standard għandu japplika għall-każ ta’ Muscat.
Barra minn hekk, l-avukat Stefano Filletti li jirrappreżenta lil Adrian Hillman, li wkoll qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi u ħasil ta’ flus, sostna li ma kien hemm l-ebda evidenza dokumentata kontrih u li Hillman kien ġie fil-mira abbażi tal-assoċjazzjoni tiegħu ma’ Keith Schembri.
L-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Shaun Zammit, li qed jassistu lil Keith Schembri, Konrad Mizzi, u l-kumpaniji FSV u Kasco Engineering irrepetu dan l-argument, u sostnew li l-inkjesta maġisterjali kienet “ibbażata fuq suppożizzjonijiet” u nieqsa minn provi konkreti.
Id-difiża talbet għal valutazzjoni mill-ġdid tal-provi, u ħeġġet lill-Qorti tirrevoka l-ordnijiet ta’ ffriżar jekk il-prosekuzzjoni tonqos milli tissostanzja l-ammonti u l-akkużi.