Erba’ persuni daħlu l-isptar l-Erbgħa filgħaxija wara argument li nqala f’residenza f’Wied il-Għajn.
Il-pulizija qalet li inċident seħħ għall-ħabta tal-10pm, fi triq il-Kavallieri ta’ Malta. Mal-wasla tal-pulizija, ġie nnotat taqtir tad-demm, iżda l-persuni involuti ma kienux hemm.
Intant, investigazzjoni sabet li irriżulta li erba’ persuni kienu marru l-Isptar b’vettura privata wara li kellhom argument ma’ xi persuni oħra f’residenza fl-istess triq.
Fl-isptar, wieħed mill-irġiel, Sirjan ta’ 47 sena mill-Mosta, ġie ċċertifikat li kellu ġrieħi ta’ natura gravi. Fl-istess waqt, tliet irġiel oħra, Maltin ta’ 19, 20, u 21 mill-Mosta wkoll, ġew ċċertifikati li kellhom ġrieħi ħfief.
Il-pulzija skoprew ukoll li waqt l-argument allegatament intużaw xi armi li bil-ponta.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet sabiex jiġu identifikati persuni oħra li kienu involuti f’dan il-każ.