Il-werrieta ta' Franċiz li miet mgħaffeġ taħt ħajt f'Malta jieħdu €1.1 miljun f'danni

Il-familja ta' żagħżugħ Franċiż li tilef ħajtu traġikament waqt li kien fuq btala f’Malta, ngħatat €1.1 miljun f’danni minn Qorti Maltija • Il-kawża tal-Qorti ilha għaddejja mill-2015 iżda l-ġuvni miet f'April tal-2011 f'villa s-Swieqi

Il-familja ta’ Quentin Antoine Marie Michel, żagħżugħ Franċiż li tilef ħajtu traġikament waqt li kien fuq btala f’Malta, ngħatat €1.1 miljun f’danni minn Qorti Maltija.

F’sentenza mogħtija l-Ġimgħa, il-Qorti ordnat lil kumpanija tal-kostruzzjoni u liż-żewġ diretturi tagħha biex iħallsu danni lill-werrieta tal-vittma, li meta miet kellu biss 19-il sena.

Il-vittma miet taħt it-tifrik ta’ ħajt ħdejn il-pixxina ta’ villa tas-Swieqi li huwa kien kera ma’ grupp ta’ ħbieb fl-2011.

Il-ħajt kien waqa’ fuq Michel waqt li kien qiegħed jippoża għal ritratt, bilwieqfa fuq taraġ, meta ra l-ħajt jaqleb lejh. Huwa waqa’ u weġġa’ fatali waqt li prova jwaqqaf il-ħajt.

Il-kumpanija tal-kostruzzjoni li kienet bniet il-propjeta’, Buz-Dov Developments, u d-diretturi tagħha James Mifsud u Gordon Farrugia ġew imħarrka, flimkien mas-sidien tal-proprjetà.

Fl-2019, Qorti ddeċidiet li kien inħoloq periklu meta l-ħajt kien inbena, erba’ snin qabel l-inċident, mill-kuntratturi Mifsud u Farrugia mingħajr ma ttieħdu miżuri biex jiġi aċċertat li kien strutturalment sod.

Esperti tal-Qorti kienu rrappurtaw li kien hemm biss "delka siment” iżomm il-ġebel flimkien u li l-ħajt ma kienx ankrat mal-blat ta' warajh.

Mifsud, Farrugia u l-kumpanija sussegwentement instabu ħatja ta’ omiċidju involontarju u kkundannati sentejn ħabs, sospiżi għal erbgħa.

Fl-2015, il-familja Michel ressqet kawża ċivili għad-danni kontra Buz-Dov, Mifsud u Farrugia. L-akkużati kienu ppruvaw jirribattu t-talba fuq il-bażi ta’ negliġenza kontributorja min-naħa tal-vittma. Iżda fid-deċiżjoni meħudha illum, il-maġistrat Miriam Hayman ma qablitx mal-argument imressaq minnhom.

Fil-kalkolu tal-ammont li għandu jingħata f’danni, l-imħallef ħadet kont tal-fatt li Michel kien ħaddiem bieżel tant li fl-istess ħin ħadem tliet impjiegi part-time biex iġemma l-flus. Dan għamlu waqt li ppjana li jispeċjalizza fl-industrija tal-ospitalità wara li temm l-istudji tiegħu fin-negozju.

Fuq il-bażi ta’ xhieda u statistika, l-imħallef stabbilixxiet l-qligħ medju potenzjali annwali taż-żagħżugħ għal €50,400, u mmultiplikah bi 33 sena.

Is-sidien tal-villa ġew meħlusa minn kull responsabbiltà, bil-Qorti tordna lill-kumplament akkużati jħallsu lill-familja Michel €1,140,955 f’danni.

More in Qrati u Pulizija