Patizzar ta’ 36 sena, residenti Ħal-Tarxien, kien immultat €3,000 wara nqabad ma jagħthiex irċevuta fiskali.
Glenn Gerald Urry inqabad jagħmel dan waqt spezzjoni għall-għarrieda fil-pastizzerija fejn kien jaħdem fl-2022.
Spettur tad-Dħul tat-taxxa xehdet li waqt spezzjoni ġiet osservata persuna tħallas u titlaq mill-ħanut mingħajr irċevuta. Kellmuha immedjatament u meta raw li ma kellhiex talbuha tmur magħhom lura fil-ħanut.
Hemm talbu lill-impjegat joħroġ irċevuta. Qalet li innotaw li l-aħħar irċevuta li kien ħareġ kienet siegħa qabel għax kienet għadha mwaħħla mal-cash register.
Min-naħa tiegħu, l-akkużat iddefenda ruħu billi spjega li kien spiċċalu r-romblu tal-karti tal-irċevuti u ma setax isib wieħed ġdid. Mistoqsi jekk inħarġitx irċevuta b’mod manwali, huwa qal li le. Qal li ma setax isib il-ktieb tal-irċevuti. Kompla jgħid li ma setax iħalli n-nies jistennew. Qal ukoll illi sakemm waslu l-ispetturi kien sab ir-roblu.
Fix-xhieda tiegħu, l-akkużat kien mistoqsi wkoll dwar il-bejgħ totali, li kien ammonta għal €630. Qal li dan huwa ammont kbir meta tqis li l-ħanut huwa pastizzerija.
Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, sabitu ħati li wettaq reati kontra l-Att tal-VAT u mmultatu €3,000.