Soċju tad-duttrina jeħel sentejn u nofs ħabs wara li abbuża tifel fil-baħar

Il-Maġistrat għarfet li l-akkużat dejjem ikkopera mal-Pulizija filwaqt li qatt ma ċaħad dak li għamel, iżda qatt ma wera rimors • L-akkużat kellu każ preċedenti ta’ pornografija tat-tfal

Soċju tad-duttrina ġie kkundanat sentejn u nofs ħabs wara li l-Qorti sabitu ħati li abbuża sesswalment minn tifel ta’ 11-il sena fil-baħar.

Ir-raġel, ta’ 50 sena, kien akkużat li kkorompa lit-tifel u pparteċipa f’attivitajiet sesswali miegħu fl-2017 u l-2018.

It-tifel kien tkellem mal-psikologa tas-seminarju fejn kien jattendi wara li ġew innotati sintomi ta’ post traumatic stress disorder.

Huwa qal lill-psikologa li dan ir-raġel kien qed imissu waqt li jkun l-baħar. Immedjatament il-każ ġie riferut lill-Pulizija, u wara tressaq l-akkużat il-Qorti.

Jixhed il-Qorti, missier it-tifel qal li meta l-każ wasal għand il-Pulizija, Delegat tal-MUSEUM offrielhom hu li jħallsilhom psikologu jew psikjatra. Qal li flimkien ma’ martu kien induna li hemm xi ħaġa ħażina, għax it-tifel beda jġib marki batuti fl-iskola.

Omm it-tifel kompliet ma’ żewġha, u irrakontat kif it-tifel kien jibża’ anke meta jara l-vann tal-mużew.

Il-vittma xehed li kull nhar ta’ Ħadd kien imorru l-baħar Xrobb l-Għaġin u Wied iż-Żurrieq wara l-quddiesa. Il-ġuvni, li issa għandu 17-il sena, irrakonta kif meta kien ikun fil-baħar Mifsud kien idaħħal idu ġol-malja u jmisslu l-warrani. Qal li r-raġel kien jagħmel hekk kull darba li jinżlu l-baħar, u b’hekk beda jilbes qalziet ta’ taħt taħt il-malja.

Irrakonta kif waqt il-futbol, meta jieqaf jistrieħ, l-akkużat kien jistaqsih domandi intimi. Żied jgħid li ħass il-bżonn jitkellem wara li sema soċju tal-mużew jgħid li s-soċji kollha huma nies tajba.

Is-social worker li xehdet fil-każ semmiet kif l-akkużat kellu każ preċedenti ta’ pornografija tat-tfal.

Min-naħa tagħha, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, għarfet li l-akkużat qatt ma ċaħad b'dak li għamel, iżda qatt ma wera rimors. Sostniet li l-pożizzjoni tal-akkużat bħala għalliem tal-minuri u l-fatt li kien ħabib ħafna tal-familja wassal biex kien igawdi ċertu fiduċja mill-ġenituri, u dan jagħmel il-każ aktar gravi.

Hija sabet l-akkużat ħati u kkundannatu sentejn ħabs filwaqt li ħarġet ordni ta’ trattament għal 5 snin. Ordnat ukoll li ismu jitniżżel fir-reġistru ta’ dawk li jabbużaw mit-tfal.

L-Ispettur Joseph Busuttil investiga u mexxa l-prosekuzzjoni fil-kawża.

More in Qrati u Pulizija