Il-Qorti ddeċidiet l-Erbgħa filgħodu li hemm biżżejjed evidenza biex Chris Fearne, Edward Scicluna, u 12-il persuna oħra jgħaddu għal proċess ta’ ġuri b’konnessjoni mal-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi lill-privat.
Il-Qorti tal-Maġistrati ddikjarat li l-eks deputat prim ministru, il-gvernatur tal-Bank Ċentrali u individwi oħra għandhom xi jwieġbu dwar l-allegat involviment tagħhom fil-ftehim frawdolenti tal-Vitals.
Kienu erba’ sessjonijiet għas-smigħ b’numru ta’ xhieda mitluba mid-difiża qabel id-deċiżjoni tal-illum.
Il-Maġistrat Leonard Caruana ħa ftit minuti biex qara d-digriet tiegħu f’awla anzjuża, bid-deċiżjoni mistennija jkollha ramifikazzjonijiet kemm politiċi u legali.
Ftitġimgħat ilu l-Prim Ministru Robert Abela żamm il-bieb imbexxaq għal Fearne u t-tama li huwa kellu biex isir Kummissarju Ewropew. Abela kien speċifika li la darba l-Qorti tara li ma hemmx evidenza kontra l-eks Ministru għas-Saħħa, huwa jinnominah għall-kariga Ewropea.
Madankollu din id-deċiżjoni x’aktarx li temmet għal kollox it-tamiet ta’ Fearne li jiġi nnominat bħala rappreżentant ta’ Malta fil-Kummissjoni Ewropea, u se tħalli lil Robert Abela b’dilemma.
Il-Ħadd li għadda l-ILLUM żvelat kif il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri huwa interessat biex ikun hu n-nomina minflok Fearne, flimkien ma’ Miriam Dalli u Owen Bonnici, li wkoll urew l-interess tagħhom.
AQRA AKTAR HAWN: Byron Camilleri interessat ikun Kummissarju Ewropew