Raġel jitressaq il-qorti mixli bi traffikar ta’ persuni, u esplojtazzjoni

Raġel ġie arrestat mixli b'traffikar uman wara li allegatament għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet li għandu bżonn dan in-numru ta’ ħaddiema sabiex ikun jista’ jopera tliett ristoranti, meta wieħed minnhom kien fil-proċess li jagħlaq u ieħor kien għadu ma fetaħx

Raġel ta’ 67 sena residenti Ħad-Dingli kien arrestat mill-Pulizija wara li investigazzjonijiet bejn il-Pulizija u JobsPlus sabu illi kien qed allegatament iddaħħal f’Malta b’mod illegali numru ta’ persuni minn pajjiżi terzi.

Minn investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel kien għamel applikazzjonijiet sabiex iġib u fil-fatt ġab Malta għadd ta’ ħaddiema prospettivi iżda qabeż ferm id-domanda reali ta’ ħaddiema li kellu bżonn in-negozju tiegħu biex jopera.

Allegatament huwa għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet kompetenti, billi stqarr li għandu bżonn dan in-numru ta’ ħaddiema sabiex ikun jista’ jopera tliett ristoranti, meta wieħed minnhom kien fil-proċess li jagħlaq u ieħor kien għadu ma fetaħx.

Ir-raġel inżamm fil-lock-up tal-Pulizija, il-Furjana, sakemm tressaq il-Qorti llum għall-ħabta tas-1pm, quddiem il-Maġistrat Monica Vella akkużat bi traffikar ta’ persuni, dikjarazzjonijiet foloz u esplojtazzjoni, fost oħrajn.

More in Qrati u Pulizija