Il-kundanna tal-eks direttur tal-ħabs, Robert Brincau, fuq inċident ta’ arma tan-nar fl-Għadira fl-2022, ġiet ikkonfermata b’appell.
Brincau nstab ħati li hedded raġel b’arma tan-nar u kkaġunalu ġrieħi ħfief waqt argument fuq il-bajja.
Brincau, ta’ 49 sena, kien ikkundannat għal 12-il xahar ħabs, sospiżi għal tliet snin, fuq l-inċident ta’ Awwissu 2022.
Ftit wara li nħareġ is-sentenza nhar it-Tlieta filgħodu, Brincau rriżenja mill-kariga tiegħu u l-Ministeru tal-Intern immedjatament ħatar lil Christopher Siegersma minfloku. Brincau sussegwentement għamel appell.
L-Ispettur Ryan Vella kien akkuża lil Brincau li kkawża ġrieħi ħfief, hedded raġel b’arma tan-nar, insulta u hedded lill-istess raġel, kien fil-pussess ta' arma mingħajr liċenzja f’post pubbliku, kien armat waqt il-kummissjoni ta’ reat u kiser il-paċi pubblika.
Xhieda kienu rrakkontaw lill-qorti kif id-direttur tal-ħabs allegatament hedded ekwipaġġ ta’ ambulanza b’arma tan-nar f’inċident li jidher li kien imqanqal minn rivalità kummerċjali bejn il-fornitur tas-servizz tal-ambulanza u l-Malta Red Cross, li Brincau kien id-direttur tagħha.
Nhar l-Erbgħa, il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza sospiża. Ġie spjegat lill-appellant li s-sentenza tibda titħaddem mill-lum.
Ordni ta' trażżin li kienet imposta mill-ewwel qorti, u kkonfermata fl-appell, tibda wkoll tidħol fis-seħħ mill-lum.
L-avukat tal-Avukat Ġenerali Etienne Savona kien responsabbli mill-prosekuzzjoni.