Tliet irġiel kienu arrestati l-Erbgħa filgħaxija wara li nstemgħu tiri matul l-istess lejl fin-Naxxar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-10:30pm fi Triq Santa Klara, fejn il-Pulizija, meta waslet fuq il-post, innutat bieb imkisser ta’ residenza u diversi individwi ġewwa d-dar.
Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li raġel ta’ 41 sena minn Ħal Qormi allegatament saq bil-karozza tiegħu għal fuq il-bieb tad-dar, ħareġ mill-vettura, u spara diversi tiri lejn ir-residenza qabel ma ħarab mill-post bl-istess karozza. Fil-ħin tal-inċident, kien hemm żewġ irġiel u tliet nisa ġewwa d-dar, iżda ħadd ma ndarab.
L-awtoritajiet immedjatament nedew tfittxija għas-suspettat u għall-vettura tiegħu, Mercedes. Għall-ħabta tas-2:30am, is-suspettat iddeċieda li jagħti ruħu fil-Għassa tal-Pulizija ta' Ħal Qormi, fejn ġie arrestat. Huwa sostna li ż-żewġ irġiel ġewwa r-residenza sparaw tiri lejh waqt il-ġlieda, iżda ma kienx midrub.
Investigazzjonijiet ulterjuri wasslu lill-Pulizija biex isibu l-vettura tas-suspettat iktar tard dak il-lejl, ipparkjata fi Triq il-Kosta. Il-karozza kienet ġarrbet ħsarat konsiderevoli, inklużi marki li jikkonsistu f’tiri, iżda l-ebda arma ma nstabet waqt it-tfittxija tal-vettura.
Il-Pulizija rritornaw lura fir-residenza fin-Naxxar, fejn wara tfittxija sabu arma tan-nar. B’riżultat ta’ dan, iż-żewġ irġiel ta’ 64 u 35 sena, li kienu preżenti fil-ħin tal-inċident, ġew arrestati.
Il-Maġistrat Joseph Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.