Żewġt irġiel sofrew ġrieħi gravi matul il-ġurnata tat-Tnejn, f’żewġ inċidenti separati tat-traffiku.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tal-5:00pm fi Triq Villabate, iż-Żabbar. Il-Pulizija qalet li raġel ta’ 36 sena residenti Marsaskala kien involut f'ħabta waqt li kien qed isuq Volkswagen Golf u ħabat ma’ Peugeot 2008 misjuqa minn mara ta' 44 sena minn iż-Żejtun.
It-tieni inċident ġara għall-ħabta tas-6:15pm fi Triq l-Imdina, Ħ'Attard. Il-Pulizija qalet li raġel ta’ 32 sena li jgħix Ħaż-Żebbuġ u kien qed isuq mutur, meta seħħ l-inċident ma’ Nissan Qashqai misjuq minn raġel ta' 42 sena residenti f’San Pawl il-Baħar.
Timijiet mediċi assistew liż-żewġ vittmi qabel ma ttieħdu l-isptar b’ambulanza. Iktar tard ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.