Tifla ta' sitt snin weġġgħet serjament wara li struttura tal-metall waqgħet fuqha f’pitch tal-basketball.
L-inċident seħħ nhar il-Ħadd waranofsinhar fi Triq Robert Mifsud Bonnici, Ħal-Lija, ħdejn ir-residenza l-antika tal-Università.
Fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija nhar it-Tnejn, ġie spjegat li t-tifla kienet qed tilgħab flimkien ma' ħabiba oħra meta l-istruttura tal-ħadid, li żżomm iċ-ċirku tal-basketball, waqgħet fuq waħda minnhom.
It-tifla ttieħdet l-isptar fejn instab li kienet weġġgħet serjament, iżda sorsi qalu li kienet konxja u tkellmet matul il-lejl tal-Ħadd, filwaqt li l-kundizzjoni tagħha kienet stabbli nhar it-Tnejn.
It-tifla l-oħra, ta’ seba’ snin, ma weġġgħetx.
Il-Pulizija għadhom qed jinvestigaw l-inċident.