Raġel ta’ 32 sena minn Costa d’Avorju ġie arrestat f’operazzjoni ta’ sigurtà kmieni dalgħodu fit-triq Giovanni Barbara, Ħamrun, fuq suspett li kien qed jiddistribwixxi materjal allegatament estremist.
L-arrest seħħ għall-ħabta tal-5 a.m., wara ġimgħat ta’ sorveljanza u analiżi minn sezzjonijiet differenti tal-Korp tal-Pulizija, li kienu qed jaħdmu flimkien f’koordinazzjoni mill-qrib.
Matul l-operazzjoni, il-Pulizija sabet żewġ proprjetajiet viċin xulxin u dawn ġew ikkontrollati, bil-konfiska ta’ diversi oġġetti elettronici fosthom servers li allegatament kienu qed jintużaw għad-distribuzzjoni ta’ materjal estremist.
Ir-raġel, li ġie arrestat fuq il-post, ittieħed għall-Interrogazzjoni fl-Għassa Ġenerali tal-Pulizija fejn qed isiru aktar investigazzjonijiet dwar dan il-każ.
L-investigazzjoni dwar il-każ għadha għaddejja.