Tliet irġiel ġew arrestati wara ġlieda vjolenti li seħħet fi Triq Dragunara, San Ġiljan, kmieni s-Sibt filgħodu, fejn il-pulizija kellhom jirrikorru għall-użu ta' taser biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4:30am meta l-pulizija ġew infurmati b'storbju. Meta waslu fuq il-post, sabu grupp ta' persuni jżommu fliexken tal-ħġieġ.
Waqt li ppruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni, raġel ta’ 24 sena allegatament resaq lejn l-uffiċjali b’mod aggressiv b'flixkun imkisser f’idu, li wassal biex il-pulizija jużaw it-taser fuqu. Fl-istess waqt, raġel ieħor ta’ 28 sena attakka uffiċjal ieħor.
Tim mediku ta l-assistenza fuq il-post, u dawk involuti ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Ir-raġel ta’ 28 sena ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi waqt il-ġlieda, filwaqt li ż-żewġ irġiel l-oħra ma sofrew l-ebda ġrieħi. Tliet uffiċjali tal-pulizija sofrew ġrieħi ħfief waqt l-arrest.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin, u t-tliet irġiel mistennija jitressqu l-qorti fil-jiem li ġejjin.